Riżultat ieħor inkwetanti ferm għal Malti hekk kif il-Gvern Laburista kompla jniżżel lil pajjiżna fl-indiċi tal-libertà tal-media.
Fil-World Press Freedom Index għal din is-sena… pajjiżna spiċċa fl-84 post. Dan ifisser li f’sena Malta niżlet sitt postijiet hekk kif is-sena li għaddiet Malta kienet klassifikata fit-78 post fl-2022… li diġà kien riżultat ħażin.
Dan ifisser li mill-2012 ‘l hawn, il-Gvern niżżel lil Malta 26 post.
L-organizzazzjoni Reporters Without Borders… li ppubblikat dan l-index, qalet li f’Malta, s’issa l-Gvern Laburista għadu ma implimentax ir-rakkomandazzjonijiet li ħarġu mill-inkjesta pabblika b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia,
Reporters Without Borders qalet il-Gvern Laburista jinfluwenza b’mod qawwi x-xandir pubbliku ta’ pajjiżna filwaqt li juża reklamar pubbliku sabiex iwassal l-messaġġ tiegħu. Xi ħaġa li l-Partit Nazzjonalsita ilu tant jisħaq fuqha.
L-organizzazzjoni qalet ukoll li f’Malta l-ġurnalisti għadhom vittmi tal-ISLAPP filwaqt li l-oqsma legali li jiddefendu lill-ġurnalisti ma jippermettulhomx li dawn verament jeżerċitaw id-drittjiet tagħhom.
Intant, fl-okkażjoni tal-ġurnata ddedikata lil-libertà tal-media, l-Istitut Malti tal-Ġurnalisti appella lill-Gvern Malti sabiex b’mod tanġibbli joħloq ambjent fejn il-ġurnalisti jkunu jistgħu jagħmlu x-xogħol tagħhom sabiex jissalvagwardjaw id-demokrazija.
L-Istitut qal li l-Gvern Laburista għadu qed jirrifjuta r-rakkomandazzjoni tal-esperti li ħatar hu stess biex il-midja tibda tiġi infurzata mill-kostituzzjoni.
L-IGM irrefera għad-diskors tal-Prim Ministru Rober Abela meta qal li l-ġurnaliżmu huwa r-raba’ pilastru tad-demokrazija u għalhekk tistenna li l-Gvern juza l-flus fejn verament hemm bżonnhom.
Fi stqarrija, l-Istitut Malti tal-Ġurnalisti jitfa’ dawl ukoll fuq kif il-Gvern għandu jindirizza problemi oħra li qed jimminaw il-ħidma tal-ġurnalisti fosthom l-Att li jirregola l-libertà tal-informazzjoni. Apparti li dan l-Att għandu bosta nuqqasijiet, qed jintuza mill-Awtoritajiet Pubbliċi bil-mod kif iridu huma u għall-gwadann tagħhom.
//= $special ?>