Lokali

Il-manuvra taċ-ċekkijiet tintuża għal gwadann politiku

Taċ-ċekkijiet hija “mossa politika li qed issir xi ħaġa ta’ kull sena. U huwa ċar li din qed issir għal gwadann politiku”

Hekk ġiet deskritta mill-editur tal-Malta Independent il-manuvra li Robert Abela ħabbar f’Jum il-Ħaddiem – u li kważi kważi kienet mossa mistennija, hekk kif kien ilu jissemma’ li l-Gvern se jkun qed iqassam iċ-ċekkijiet tar-rifużjoni tat-taxxa. Ċekk li se jammonta għal madwar €100 kull persuna – ċekk li xorta waħda ma jkoprix ix-xirja medja kif ikkalkulta mill-UĦM.

Fl-editorjal intqal li issa ċ-ċekk li jmiss probabli se jingħata eżatt qabel l-elezzjoni tal-MEPs. Dan wara li s-sena li għaddiet, waqt il-kampanja tal-elezzjoni ġenerali, il-Gvern immexxi minn Robert Abela għamel użu minn din l-istess mossa.

Barra minn hekk, l-editorjal qal li din is-sena ċ-ċekk propju ngħata f’Mejju għaliex il-Labour ilu f’dawl ikrah għal diversi xhur. Dan hekk kif xahrejn ilu l-Qorti kkundannat id-deal frawdolenti li sar ma’ Vitals u Steward … u sal-lum il-ġurnata l-Gvern għadu ma ġabx ċenteżmu lura mill-miljuni li ittieħdu mill-but tal-poplu Malti u Għawdxi.

L-editur semma wkoll is-sitwazzjoni frustranti li jinsabu fiha l-infermieri u l-qwiebel hekk kif ftit tal-ġimgħat ilu vvutaw kontra l-ftehim settorjali…ftehim li kien se jżidilhom is-sigħat tax-xogħol sabiex ikollhom żieda fil-paga. U dan kollu kien se jwassal biex l-infermieri jispiċċaw ‘overworked’ u jqattgħu inqas ħin mal-familji tagħhom.

L-editorjal stqarr li Robert Abela għadu anke qed ikaxkar saqajh sabiex jaħtar inkjesta pubblika b’rabta mal-qtil ta’ Jean Paul Sofia li tilef ħajtu meta kkrollat binja f’Kordin f’Diċembru li għadda.

U apparti dan kollu, hemm ukoll rabja lejn il-Partit Laburista minħabba li tal-klikka qed ikomplu jitħanżru bl-eluf – filwaqt li n-nies jieħdu mitt ewro ċekk darba kultant.