Lokali Parlament

Importanti bilanċ bejn l-ekonomija u l-kwalità tal-ħajja

Claudette Buttigieg, PN

Id-deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg tkellmet fil-parlament dwar l-importanza ta’ bilanċ bejn l-ekonomija u l-kwalità ta’ ħajja, li qed teffettwa lil kulħadd.

Claudette Buttigieg qalet li t-traffiku jolqot kull parti ta’ Malta u appellat biex jinstabu soluzzjonijiet biex ma jinħolqux konġestjonijiet. Il-problema tat-traffiku mhix biss tal-karozzi li jivvjaġġaw iżda hemm ukoll il-problemi konnessi max-xogħlijiet fit-toroq.

Hi sostniet li ż-żona tat-Trade Fair fin-Naxxar fiha diversi sfidi u qalet li l-iżvilupp li sar ma kinx studjat biżejjed u lanqas antiċipat. Dan wassal biex issa fiż-żona se jkun hemm anki ċentru ta’ distribuzzjoni mingħajr ma saret il-konsultazzjoni mar-residenti.

Id-deputat Nazzjonalista qalet li fil-Mellieħa hemm problemi immedjati inkluż il-konfużjoni li hemm fl-Għadira bħalissa inħabba d-dewmien fix-xogħijiet tat-triq. Dan ukoll minħabba l-mod kif se tkun qed issir din it-triq, sostniet id-deputat Nazzjonalista, li semmiet ukoll il-by-pass tal-Mellieħa li issa tinsab f’sitwazzjoni diffiċli. Din suppost kellha ssir mill-ġdid iżda ma saritx.

Triq Ġorġ Borg Olivier fil-Mellieħa wkoll tinsab fi stat diffiċli, sostniet id-deputat Nazzjonalista, li kompliet li f’San Pawl il-Baħar u x-Xemxija hemm problemi fit-Telgħa ta’ Selmun lejn il-Mistra fejn qed jinġema’ traffiku kbir.

Claudette Buttigieg semmiet l-influss qawwi ta’ inġenji u nies fil-Mistra u qalet li fil-Bajja tax-Xemxija reġgħet inqalgħet mix-xogħlijiet li saru qabel l-elezzjoni. Dan minħabba li dan ix-xogħol kien sar biss propju minħabba l-elezzjoni.

Id-deputat Nazzjonalista appellat biex ikun hemm iktar inċentivi biex iktar nies jaħdmu mid-dar biex b’hekk titnaqqas il-problema tat-traffiku. Hi tkellmet dwar it-turiżmu u appellat biex il-politika tal-pajjiż tkun indirizzata lejn turiżmu ta’ kwalità. Din l-industrija għandha ġġib magħha regolamentazzjoni biex ċertu postijiet iżommu l-livell permezz tad-dixxiplina.

Claudette Buttigieg qalet li quddiem l-iskejjel qed ikun konfużjoni kbira u appellat biex jinstabu metodi kif għamel il-Kunsill Lokali tan-Naxxar li għamel rotot għat-tfal biex imorru l-iskola.