Lokali Qorti

Ir-raġel mixli li qatel lil ommu u lil zitu kien qed isofri minn diżordni psikotika

Meta Kevin Micallef ta’ 47 sena mill-Għargħur ġie eżaminat kien konkluż li qed isofri minn diżordni psikotika. Micallef jinsab mixli li f’Lulju ta’ ħames snin ilu qatel lil ommu Antonia Micallef u lil zitu Maria Carmel Fenech dejjem emmen li ma kellux alternattiva għal dak li għamel.

Daqt ħareġ waqt ġurin li qed jinstema’ mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera ferjn ġurija trid tiddetermina jekk l-akkużat kienx fi stat mentali tajjeb waqt li kkommetta r-reat. Il-Konsulent Psikjatra Joe Cassar ta din l-informazzjoni lill-Qorti meta kien qed jixhed permezz tal-“video conference” għax jinsab barra l-pajjiż. Psikjatri u tobba oħra li xehdu wara Cassar kollha ikkonfermaw id-disordni psikotika li jbati minnha Micallef.

Cassar tenna l li jaf lill-akkużat għax kien imqabbad bħala espert tal-Qorti biex jeżaminah. Dan id-dmir kien wettqu fit-18 ta’ Jannar 2023 f’dik li hi magħrufa bħala l-‘half way house’ fl-Isptar Monte Carmeli. Cassar qal li Micallef m’għandux għarfien li dak li għamel hu minħabba l-kundizzjoni newropsikjatrika tiegħu tal-Huntington Disease.” Din hi kundizzjoni li tibda mit-twelid u li tintiret b’mod ġenetiku.

Fuq din il-kundizzjoni qal li hija marda newroloġika li taffettwa n-nervituri kollha u jista’ jkollok kull forma ta’ mard mentali minħabba fiha. Is-sintomi psikjatriċi tagħha huma varji, bħal dipressjoni qawwija. Qal li meta ġie eżaminat minn team ta’ tliet psikjatri, il-persważjoni tiegħu baqgħet l-istess bħal dik ta’ ħames snin ilu.

Ix-xhud qal li damu siegħa mal-pazjent, u anki eżaminaw sew il-file tiegħu. Sostna li minkejja li huwa bniedem psikotiku xorta għandu għarfien li wieħed joqtol hi xi ħaġa ħażina. Madankollu l-akkużat ma jagħrafx li kien għamel ħażin għax għalih ma kienx hemm alternattiva.

Kompla jgħid li t-tim mediku kien konxju mir-reati li wettaq u li hu jaf x’għamel u li dak li għamel huwa ħażin u għamlu għax kellu delużjoni, għax dejjem emmen li ommu u zitu kienu qed jikkonfoffaw kontrih biex joqtluh. Mistoqsi jispjega x’inhi delużjoni, Cassar ta eżempju bħal – li kieku l-persuna jkun konvint li hu l-Papa, jibda jimxi fit-triq u jibda jbierek lin-nies għax konvint li hu l-Papa u ħadd u xejn ma jneħħihielu din il-konvinzjoni. 

Il-psikjatra qal li kellu delużjoni paranojika fejn kien konvint li kienu qed jikkonfoffaw kontrih u din kienet ilha li bdiet minn meta żżewweġ u kienu kontra l-mara tiegħu għax rieduh għalihom. Dejjem hekk kien jemmen u baqa’ jemmen hekk.

Fuq domandi ta’ xi ġurati li jekk persuni b’’fixed false belief’, imorrux jiċċekkjaw f’dan il-każ id-demm jekk hux veru kienu qed javvalenawh, il-konsulent Cassar wieġeb fl-affermattiv imma dawn ikunu nies li tant ikunu konvinti minn dak li jemmnu li lanqas jagħtu widen għar-riżultati u li jgħidilhom it-tabib.

Jibqgħu konvinti ta’ dak li jgħidilhom moħħhom u li hi dik biss il-verità. Mistoqsi kif tistgħu tgħidu li huwa miġnun f’termini legali, imma fil-kuxjenza jagħraf it-tajjeb mill-ħażin, il-psikjatra spjega li tagħraf it-tajjeb mill-ħażin ma jfissirx li ma tagħmilx li tagħmel.

Qal li l-azzjoni li tagħmel tkun ġejja mill-ġenn. Qal li qabel għamel ir-reat l-akkużat ma kienx qed jara psikjatra u ma kienx jieħu mediċini. Sostna li issa li qed jieħu l-mediċini xorta għadu konvint minn dak li għamel, ara kemm il-kunidzzjoni hi waħda qawwija.

Cassar spjega li għalih ma kellux triq oħra li joqtolhom għax huma kienu qed javvelenawh. Qal li dan ifisseri li l-mediċini ma bidlux il-ħsieb tal-akkużat. Tenna li l-mottiv għar-reat kien il-mottiv li kien minħabba delużjoni u r-raġuni kienet minħabba l-mottiv. Ix-xhud qal ukoll li kien tkellem mat-tabib tal-familja tiegħu, imma sfortunatament, Dr Victor Theuma miet is-sena l-oħra. Huwa qal li ma nistgħux nikkonfermaw x’kien qallu. 

Aktar xhieda mediċi

Wara ġew mgħajjta għal fuq il-pedana tax-xhieda Dr Ethel Felice u Dr Nigel Camilleri li t-tnejn intalbu biex jiddeponu flimkien. Dr Camilleri qal li ma setax jara alternattiva rigwardanti l-akkużat, kien fi stat ta’ ġenn u kien jemmen li jekk ma kien se jagħmel xejn, kienu se joqtlu lilu. Tenna li sal-lum ħadu jbati mill-istess psikożi.

Ix-xhieda qalu li hemm differenza bejn fissazzjoni u ansjetà u psikożi. Psikożi twasslek biex taġixxi skont il-ħsibijiet tiegħek, hemm min jirrapporta u hemm min jieħu l-liġi b’idejh. Dak il-ħin tant emmen li kienu se joqtluh, li ħa azzjoni, ma rax alternattiva oħra.

Bħal ma xehed il-konsulent Cassar, qalu li l-marda għadha hemm, trattament qed jgħinu, imma post Kevin huwa hemm f’Monte Carmeli. Mistoqsijin mill-ġurati kif jikkonkludu jekk persuna tkunx qed tigdeb jew le, qalu li huma mħarrġa b’diversi metodi u raw diversi assesments mediċi li kollha jaslu għal istess konklużjoni.

Qalu li Iddiskutew jekk hux possibli li vvinta kollox imma dan baqa’ jżomm mal-verżjoni tiegħu. Hija l-“Hungtinton Desease” li tista’ tikkawża dan u għalhekk diffiċli ħafna li dan iqarraq b’dawk il-professjonisti kollha. Dwar jekk għaddhielux l-istat ta’ ġenn meta ċempel il-112, ix-xhieda wieġbu fin-negattiva u qalu li baqa’ fi stat ta’ ġenn.

“Ma jfissirx li għax ċempel l-emerġenza ma baqax fi stat ta’ ġenn. Il-loġika normalment taħdem li jekk jiena noqtol, naħrab biex ma ninqabadx mhux inċempel l-emerġenza. Ma nafux jekk il-Hungtington ħarġitx il-psikożi, imma l-Hungtington iżżid ir-riskju li taqbdek psikożi.

Wara xehdet il-psikjatra Maria Axiaq li qalet li kienet eżaminat lil Kevin Micallef. “Kien daħal forensic ward Lulju 2018. Kont intlabt neżaminah għal fini ta’ bail. Sa Novembru 2019 kien taħt il-kura tiegħi. Kien ċar li kien ibati minn psikożi b’sintomi li juru li jkun maqtugħ mir-realta.

“Kien diġà fuq mediċina għal psikożi u jien rajtu fil-perjodu fejn beda jipprova jirkupra. Meta daħal kien għadu mifxul. Ma kienx qed jirrealizza x’ġara. Aktar ma għadda żmien beda jirrealizza xi ftit, u bdew ħerġin sintomi ta’ dwejjaq u ta’ trawma.

“Kien jispiċċa ma jorqodx xi drabi. Kont irrakomandajt biex ma jibqax imsakkar f’Monte Carmeli imma jmur f’half way house. Kont bagħtu għal testijiet tal-Hungtington u kien ġie kkonfermat li għandu din il-kundzzjoni fejn iċ-ċelloli tal-moħħ jiġu affettwati, jibdew jitnaqqru u jinxfu.

“Hija marda kerha u m’hemmx kura għaliha. Bħala psikjatri ngħarfu li ħafna każijiet jipreżentaw sintomi psikjatriċi. Għandna dik li nsibuha bħala l-Psikożi tal-hungtington’s caller. L-akkużat kien taħt il-kura tagħha u kienet tarah tliet darbiet fil-ġimgħa għal xi kwarta kull darba, u dan għamiltu bejn Lulju 2018 u Novembru 2019,” qalet il-psikjatra.

Il-psikjatra Maria Axiaq qalet li d-demm ta’ Kevin Micallef kien intbagħat il-Ġermanja biex jiġi eżaminat għal Huntington għax f’Malta ma jsirux dawn it-testijiet. Meta bniedem ibati minn psikożi, delużjoni u cioe jaħseb li xi ħaġa hija reali meta ma hix, u tibda taħdem il-mediċini biex jibda jagħraf ir-realta, jibdew jidħlulu ħafna dubji. Beda jagħraf li qatel l-ommu u għamel xhur ma jorqodx u kellu dispjaċir kbir.

Xehed ukoll Dr Malcom Vella, konmsulent newroloġista u li hu speċjalista tan-nervituri. Qal li kien rah f’Novembru 2020. Hu kien qed jilmenta minn problemi ta’ memorja. Qallu li fil-passat kien ibati minn ‘hallucinations’ li kienu qed jiddettawlu ħajtu u kienu qed jipposseduh.

Qal li din bażikament hi kundizzjoni tal-Hungtington, difett fil-ġenetika li taffetwalek il-moħħ bir-riżultat li jkun maqtugħ mir-realta. Saħaq li din il-kundizzjoni twassal li jkun hemm numru ta’ ‘repeats fid-DNA’, u jekk wieħed ikollu aktar minn 40 minn dawn ir-“repeats”, b’ċertezza hu li jkollu din il-kundizzjoni.

Ix-xhud qal li missieru u ħuħ kellhom l-istess kundizzjoni u mietu ta’ età żgħira. “Hungtington Disease” normalment ikollha sintomi bħal ċaqlieq żejjed jew demensia u problemi ta’ psikożi. Fil-każ tal-akkużat il-psikożi hi l-aktar evidenti. Wara flimkien telgħu fuq il-pedana rax-xhieda l-Psikjatri Prof. Anton Grech, George Debono u Anthony Zahra li qalu li ġew imqabbdin mill-Maġistrat Monica Vella biex jeżaminaw lill-akkużat.

Grech qal li l-għada li seħħ ir-reat, kien għamel eżami mentali lil Micallef. Tenna li kkonkludew li jbati minn psikożi fil-kuntest ta’ “Hungtonton Disease”. Qal ukoll li jbati minn “Organic Delusion Schizophrenia”. Qal li ‘delusions’ huma meta temmen xi ħaġa b’qawwa jew ‘hallucinations’ meta l-moħħ jgħidlek li qed tisma bħal vuċijiet, imma fil-verità ma jkun hemm ħadd ikellmek.

Spjega li Huntington hija kundizzjoni li mhux bilfors ikun hemm psikożi, hija aktar tan-nervituri u twassal biex titlef il-bilanċ. Qal li f’terz tal-każi jkollhom sintomi mentali inkluż psikożi. Mistoqsijin mill-ġurati x-xhieda qalu li dak li għamel kien ibbażat fuq id-delużjoni però kien jaf li se jwassal għal mewt. Spjegaw li minħabba d-delużjoni tiegħu, ma kellux alternattiva oħra.

Xehed ukoll il-Konsulent Psikjatra Beppe Micallef Trigona fejn qal li Micallef kien daħal taħt il-kura tiegħu għal jumejn fl-isptar, fil-25 Lulju 2018. u li kien ħareġ ċertifikat li kien fi stat li seta’ jitkellem mal-pulizija u jagħti l-verżjoni tiegħu ta’ x’ġara. Qal li mentalment ma kienx 100 fil-100 u kien jaħseb ħafna affarijiet li ma kinux minnhom. Imma kien jista’ jispjega lill-pulizija kif jifhimha hu ta’ x’ġara dakinhar.

Xhud ieħor kien it-tabib Mario Scerri li qal li kien tqabbad mill-Maġistrat Inkwerenti Claire Stafrace Zammit fuq il-mewt ta’ Maria Carmela Fenech u ġrieħi gravi segwiti bil-mewt ta’ Antonia Micallef. Qal li kien mar fuq il-post tal-inċident u għamel l-osservazzjonijiet tiegħu.

Sostna li kien hemm kuridur u bitħa nterna. Fil-kamra li l-aċċess għaliha hu mill-bitħa nterna kien hemm katavru wiċċu ‘l fuq u ħafna titjir, tiċpis u demm mal-‘washing machine’. Tenna li Antonia Micallef kienet ittieħdet l-isptar filwaqt li binha Kevin Micallef kien miżmum mill-Pulizija.

Scerri kompla jgħid li meta ħareġ fil-bitħa sab mejda fuq il-lemin tiegħu u fuqha kien hemm sikkina bil-ponta li taqta’ min-naħa waħda u li dehret imċapsa bid-demm. Qal li Micallef deher imbeżża u kellu rogħda fuqu u l-Maġistrat ordnat li jittieħed Monte Carmeli għall-osservazzjoni.

Wara x-xhud qal li mar l-isptar ħdejn omm l-akkużat, li tiġi oħt Maria Carmela. Antonia Micallef kellha ġrieħi f’wiċċha u f’idejha li kienu defensive wounds. Kompla li meta l-akkużat intbagħat Monte Carmeli, sarulu testijiet tad-demm u tal-awrina biex ikun magħruf jekk hux taħt effett ta’ xi sustanza. Qal li mar bit-testijiet l-Ingilterra u ma nstab assolutament xejn fid-demm tiegħu.

Id-difiża tindirzza lill-ġurati

Qal li ma jafx jekk kienx diġà jaf li għandu l-Huntington imma ried jeħles minnu malajr minn fuq ix-xena tad-delitt għas-sigurtà tiegħu stess. Għall-akkużat qed jidher l-Avukat Francois Dalli li wara ndirizza lill-ġurati fejn qalilhom li mhux jikkontestaw jekk riedx joqtolhom jew le, jew li għamel huwa ħażin. 

Qal ukoll li l-klijent tiegħu ddispjaċih u bata ħafna, għandu bżonn kura għax żgur li ma jiġix 100%. Tenna li aktar ma taħdem il-mediċina, aktar se jbati mentalment għax aktar jifhem x’għamel. Minkejja dan għadu jemmen li ma kellux alternattiva għax ommu u zitu riedu joqtluh. Kliemu “rajt dalma”, “ma bdejtx nara”. Qal li huma jrid jħarsu lejn jekk kellux il-kapaċità li jagħmel jew le dan l-att.

L-Avukat Dalli qal li minbarra xhieda tal-esperti, il-ġurati jridu jħarsu wkoll lejn iċ-ċirkostanzi tal-fatti u l-istqarrija tiegħu. Lill-ġurati, Qalilhom ukoll li l-prosekuzzjoni li trid tikkonvinċihom li l-akkużat mhux miġnun, iżda hawn l-evidenza kollha turi li hu miġnun.

B’dak li xehdu l-psikjatri il-livell li kellha tilħaq difiża, laħqitha u mhux darba. Kollox jindika li l-akkużat se jibqa’ Monte Carmeli jingħata l-kura li għandu bżonn.

Meta wara nofs inhar kompla l-ġurin l-Ispettur tal-ħabs, Romeo Degiorgio li qal li jiftakar l-akkużat fil-Faċilita għal madwar disa’ xhur. Jiftakru bħala persuna kwieta, qatt ma’ qala problemi, kien ‘distracted’ imma bilkemm kien jitkellem lanqas biex jitlob xi ħaġa għalih. Sakemm ħareġ li jbati bil-Huntington kien jgħin lill-ħaddiema tal-maintenance u kien iqatta’ żmien fil-ġnien.

Xehdet ukoll Karen Camilleri oħt l-akkużat li qalet qegħdin erba’ aħwa u li wieħed huwa mejjet. Saħqet li rat bidla meta ġara l-inċident u kienu xit-8am meta saret taf u tixhed li ħuwa nbidel fejn qalet li ħadd ma jafu hekk għax kien tifel ta’ vera.

“Kien jaqdi ‘l ommi. Konna noħorġu kull nhar ta’ Sibt. Imbagħad beda jinbidel. Beda jiġġieled ma’ kulħadd. Beda jċempel lir-raġel tiegħi u jgħidlu li kien qed imaqdar ix-xogħol tiegħu, li jrid iħallsu u dan ma kien minnu xejn. Kien jgħid lili li ngħir għalih, li r-raġel tiegħi jgħid kontrih. Kollox ivvintat minn moħħu.

Ħija taqta’ u tiekol minnu. Ġurnata qabel id-delitt, bagħtilha messaġġ u qalilha “Karen jekk trid li nitlaq mid-dar u taqsmu, naqsmu.” Kien messaġġ bla sens għax aħna qatt ma tkellimna fuq dawn l-affarijiet. Dejjem jimmaġina. Minkejja dak kollu li ġara, dejjem emmint li hu raġel sewwa. Xi ħaġa ħażina għandu ġo fih u ngħinu sa ma mmut. Mill-għada mort biex nagħmel dak li għandi nagħmel u sal-lum għadni mmur narah. Ħfirtlu u ħabbejtu aktar minn qabel għax il-Huntington ġabitu hekk,” qalet oħtu.