Lokali Parlament

Is-sigurtà għandha tingħata prijorità waqt ix-xogħlijiet fit-toroq

Il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar

Il-Whip tal-Oppożizzjoni d-deputat Nazzjonalista Robert Cutajar appella biex is-sigurtà tingħata prijorità waqt ix-xogħlijiet fit-toroq.

Fil-parlament Robert Cutajar qal li Transport Malta għandha l-obbligu tas-sigurtà fit-toroq għaliex hemm numru ta’ entitajiet tal-gvern li wkoll jagħmlu x-xogħlijiet fit-toroq. Id-deputat Nazzjonalista appella biex is-sigurtà fit-toroq waqt u wara x-xogħol tkun implimentata minn Transport Malta.

Hu qal li fil-qalba tal-Mellieħa, ħdejn l-iskola u l-faċilità sportiva, tħallew toroq miftuħa. Jeħtieġ iktar standards meta jkunu qed isiru xogħlijiet fit-toroq, anki minn Infrastructure Malta.

Id-deputat Nazzjonalista staqsa jekk Transport Malta għandhiex poteri biex tintervjeni dwar rapporti. Wasal iż-żmien li mhux kulħadd jitpoġġa fl-istess keffa anki fil-kuntest ta’ kuntratturi li qed idumu biex iwettqu x-xogħlijiet tagħhom.

Irid ikun hemm ir-rieda biex dawn il-passi jittieħdu, sostna Robert Cutajar, li appella biex ikunu eliminati l-periklu mit-toroq meta jkunu qed isiru x-xogħlijiet. Hu staqsa min jiċċertifika x-xogħlijiet li jsiru f’dawn it-toroq u appella biex Transport Malta tinvestiga l-kwalità tat-tarmak li jsir u jekk it-toroq ikunux tpoġġew fl-istess livell li kienu qabel. X’tip ta’ koordinament hemm bejn il-LESA, l-uffiċjali ta’ Transport Malta u l-Pulizija? staqsa Robert Cutajar, li kompla li l-pajjiż jinsab ‘l bogħod mill-istandards meħtieġa fit-toroq.

Hu semma’ l-lanes tar-roti u appella biex dawn ikunu rispettati mis-sewwieqa tal-karozzi, biex ikun hemm iktar minn dawn il-lanes u biex dawn il-lanes ikunu jibdew u jispiċċaw.