Lokali Saħħa

Iż-żewġ naħat iressqu l-proposti tagħhom għal ftehim settorjali ġdid

Ġimgħatejn ilu, preċiżament fit-18 ta’ April, l-infermieri u l-qwiebel semmgħu leħinhom. U permezz ta’ vot qawwi tkellmu kontra dak li kien qed jipproponi l-Gvern – ftehim settorjali li kontra dak li kien imwiegħed, ma tax lil dawn il-ħaddiema dak li verament jixirqilhom.

Il-Laqgħa Ġenerali Straordinarja għall-infermieri u l-qwiebel issejħet mill-MUMN sabiex il-membri stess jagħżlu jekk il-Ftehim Settorjali mgħoti mill-Gvern, hux aċċettabbli jew le. Għal din il-laqgħa kienu attendew total ta’ 804 membri li minnhom 785 ivvutaw kontra. U allura, 97.6% tal-infermieri u l-qwiebel ma kienux qablu mal-proposti tal-Gvern

L-għada li ttieħed dan il-vot, l-Union tal-Infermieri u l-Qwiebel għamlet konferenza tal-aħbarijiet li matulha tat ġimgħa ċans lill-Gvern sabiex jerġa’ jiltaqa’ magħha u mill-ġdid ikun diskuss dan il-ftehim settorjali.

Net News jista’ jikkonferma illi matul dawn l-aħħar jiem il-Gvern ressaq proposti ġodda, bl-MUMUN tagħmel l-istess …. u poġġiet fuq il-mejda l-proposti tagħha fl-aħjar interess tal-ifermieri u l-qwiebel.

Issa l-pass li jmiss huwa li ż-żewġ naħat jaslu fi ftehim  sabiex dawn il-ħaddiema fis-settur tas-saħħa ikollhom l-aħjar kundizzjonijiet tax-xogħol u paga li verament tixirqilhom. 

Il-President tal-MUMN Paul Pace stqarr ma’ dan l-istazzjon illi huwa fl-interess tal-poplu kollu li jkun hemm aktar investiment f’dawn il-ħaddiema jekk verament irridu li f’pajjiżna jkollna servizz tas-saħħa sostenibbli.