L-aħbar li l-Gvern tal-Labour ħatar lil Alfred Mifsud bħala l-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta qajmet tħassib fost numru ta’ practitioners fis-settur tas-servizzi finanzjarji. Wara l-umiljazzjoni tal-greylisting, jidher li Robert Abela ma tgħallem xejn. Gvern li jaħtaf l-istituzzjonijiet, bil-ħsara ssir lejn is-settur finanzjarju u r-reputazzjoni ta’ pajjiżna.
Dan intqal fi stqarrija tad-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia.
Dak li ġie rrapportat f’The Shift News, li Alfred Mifsud instab ħati mill-anqas 66 darba mill-istess Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji, hu ta’ tħassib għal kull min għandu għal qalbu s-settur tas-servizzi finanzjarji. Fost oħrajn, issemma’ wkoll il-kunflitt ta’ interess li Alfred Mifsud jista’ jkollu.
Jidher li l-prijorità ta’ Robert Abela tibqa’ li jaħtaf l-istituzzjonijiet u mhux ir-reputazzjoni tal-industrija u l-għajxien ta’ dawk li jiddependu fuqha. Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li flimkien jeħtieġ li nkomplu nsaħħu r-reputazzjoni ta’ pajjiżna u mhux inkissruha.
Reputazzjoni li sfortunatament taħt il-Labour qalgħet bosta daqqiet ‘l isfel.
//= $special ?>