Lokali Parlament

Jeħtieġ testijiet fuq xufiera li jkunu taħt l-effett tad-droga

Joe Giglio, PN

Id-deputat Nazzjonalista Joe Giglio sostna fil-parlament li minbarra t-testijiet li jsiru fuq persuni li jkunu taħt l-effett tal-alkoħol, jeħtieġ isiru wkoll testijiet fuq persuni li jkunu taġt l-effett tad-droga.

Joe Giglio qal li f’ħafna lokalitajiet m’hemmx postijiet fejn l-e scooters ikunu ipparkjati u għalhekk qed joħolqu diffikultajiet. Hu staqsa kemm dan l-abbozz se jkun qed iservi ta’ deterrent anki biż-żidiet li qed ikunu imdaħħla fil-kuntest tal-inċidenti tat-traffiku u dak fatali.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li għandu jsir ħafna iżjed biex isiru inqas inċidenti fit-toroq. Hu qal li diffikultà partikolari hi dik dwar il-kawżi assenjati lil maġistrati għaliex hemm biss żewġ maġistrati li huma llokati li jagħmlu l-kawżi dwar inċidenti tat-traffiku li fihom iweġġgħu n-nies.

Joe Gilgio kompla li l-Maġistrat Victor Axiaq għandu ħafna xogħol quddiemu tant li d-differimenti qed isru għal xhur twal b’konsegwenza li hemm diffikultajiet fl-infurzar. Qed ikun hemm każi fejn tgħaddi sena biex ikun hemm l-ewwel smiegħ tal-kawża, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li jeħtieġ li l-qrati jkollhom ir-riżorsi neċessarji biex isir l-infurzar.

L-istess fil-każ tal-Maġistrat Yana Micallef Stafrace li quddiemha jidhru l-inċidenti fejn iweġġgħu n-nies u fejn minkejja l-ammont kbir ta’ seduti li jsiru xorta hemm każi pendenti. Fost id-diffikultajiet hemm nuqqasijiet mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

In-nuqqas ta’ riżorsi qed iwassal biex fil-prattika l-infurzar ma jintlaħaqx, sostna Joe Giglio, li kompla li l-Pulizija għandhom il-breathalyser tests li jaħdmu biss biex jistabilixxu jekk ix-xufier kienu taħt l-influwenza tal-alkoħol. M’hemm l-ebda sistema implimentata biex persuni taħt l-effetti tad-droga jkunu identifikati.

Jeħtieġ ikun analizzat jekk il-pieni humiex effettivi biżżejjed fil-konfront ta’ persuni li jolqtu persuni fit-traffiku u ppropona li ssir diskussjoni dwar kemm kienu gravi l-pieni gravi; l-impatt tal-feriti fuq il-vittmi.

Id-deputat Nazzjonalista qal li s-sitwazzjoni tat-traffiku mhix feliċi u l-problemi ma ssolvewx. Hu sostna li t-traffiku qed ikun intensiv u s-sitwazzjonijiet huma inaċċettabbli. Dan minħabba li ma kinux introdotti inċentivi fosthom il-car pooling, sostna Joe Giglio.