Żewġ żgħażagħ aħwa miż-Żurrieq wieġbu mhux ħatja li rreżistew Kuntistabbli u kkaġunaw ġrieħi ħfief fuq Pulizija. L-alkużati nġabru mill-Pulizija, nhar it-Tnejn, b’wieħed minnhom jittieħed l-Isptar għal osservazzjoni. L-akkużati qed iwieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom, anzi qed jgħidu li wieħed minnhom spiċċa vittma fejn kellu jittieħed l-isptar Mater Dei għall-kura.
Isem l-akkużati ta’ 23 u 20 sena rispettivament ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti minħabba li l-Pulizija għada qed tinvestiga l-każ. L-aħwa qed jiġi mixlijin li wettqu r-reati bejn id-9.30pm u l-11.30pm. fl-1 ta’ Mejju wara li seħħ argument bejn grupp żgħażagħ fi stabbiliment tad-divertiment fl-Iklin, fejn wieħed minnhom tkeċċa mill-istabbiliment.
Huma qed jiċħdu li heddew lil xi Pulizija, u li bl-aġir tagħhom beżżgħu żewġ kuntistabbli tal-Pulizija bit-tir li ma jħalluhomx jagħmlu xogħolhom. Huwa ġew mixlija wkoll li ma obdewx l-ordnijiet leġittimi tal-Pulizija, u kisru l-paċi pubblika b’għajjar u ġlied.
Wieħed mill-akkużati, dak ta’ 20 sena ġie mixli li għamel ħsara f’karozza li hija ta’ aktar minn 250 ewro iżda anqas minn 2,500. Dak inhar fuq iil-post ġie msejjaħ minnufih tim mediku tal-ambulanzi kif ukoll uffiċjali tal-Pulizija u kien hawnhekk li l-argument baqa’ jeskala.
Ftit wara li tressqu, d-difiża mmexxija mill-Avukati Arthur Azzopardi u Jacob Magri qalet li ma kinitx qed tikkontesta l- validita tal-arrest, anke jekk mhija taqbel xejn mal-mod kif saru l-investigazzjonijiet dwar dan il-każ. Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Clayton Camilleri u Andrew Agius Bonello qalet li għall-ħabta tal-10.10 pm kienet daħlet telefonata li nqala’ nċident barra l-kumpless Aria fejn inqalgħet ukoll kommossjoni u li wieħed mill-Pulizija kien sofra ġrieħi ħfief u ħsara fuq il-vettura.
Fil-Qorti ġew ippreżentati żewġ stimi tal-ħsara minnżewġ garaxxijiet fuq il-karozza inkwistjoni bl-ammonti ma jissemmewx. Id-difiża hawn talbet biex l-ismijiet tal-akkużati ma jissemmewx fuq il-meżżi tax-xandir, minħabba l-aggressjoni li ġarrab wieħed mill-akkużati minn terzi, riżultat li kien hu li spiċċa l-isptar.
Din it-talba ma sabitx oġġezzjoni minn naħa tal-Prosekuzzjoni u li ntlaqgħet mill-Qorti. Hawn l-Avukat Arthur Azzopardi qal li ma kienx qed jalludi għall-Ispetturi li ressqu lill-klijenti tiegħu,meta tenna li l-Korp tal-Pulizija jaħdem b’mod stramb.
Dwar il-pleġġ mitlub mill-avukati tad-difiża, l-Prosekuzzjoni qalet li hija se toqgħod għad-deċiżjoni tal-Qorti li minn naħa tagħha laqgħet it-talba. Il-kundizzjonijiet jinkludi li ma jkellmux lix-xhieda tal-prosekuzzjoni b’mod speċjali ż-żewġt irġiel tal-ambullanza li wasslu lil wieħed mill-akkużati l-isptar.
Huma ġew ordnati wkoll li jiffirmaw fl-Għassa tal-Pulizija taż-Żurrieq kull nhar ta’ Tlieta u l-Ħamis bejn it-8am u 8pm u li jkunu d-dar sal-10pm u ma joħorġux qabel is-6am sakemm ma jkunux xogħol peress li t-tnejn jaħdmu bix-xift. Huwa jridu jagħmlu tajjeb ukoll għall-ħelsien mill-arrest b’garanzija personali ta’ 5,000 ewro kull wieħed.