Internazzjonali

L-Ukrajna: Akkużata dwar attakk dirett fuq il-ħajja ta’ Putin

L-awtoritajiet fir-Russja qalu li niżżlu żewġ drones li kienu mirati lejn il-Kremlin waqt li akkużaw lill-Ukrajna dwar attentat fuq il-ħajja tal-President Russu Vladimir Putin.

L-allegat inċident qed jingħad li seħħ matul il-lejl tat-Tlieta, bil-kelliema Russi jgħidu li d-drones spiċċaw innewtralizzati mis-servizzi speċjali li użaw tagħmir ibbażat fuq ir-radar elettroniku.

Il-kelliema f’Moska saħqu li Putin ma kienx fil-Kremlin fil-ħin meta d-drones avviċinaw ir-residenza tal-President u li ma rriżultaw l-ebda ħsarat għall-bini f’dik iz-zona.

L-Ukrajna baqgħet ma qalet xejn dwar dawn l-allegazzjonijiet,  b’Moska ssostni li qed tqis l-aħħar żviluppi bħala parti minn azzjoni terroristika pjanata minbarra li attentat dirett fuq il-ħajja tal-President Putin. Ir-Russja qalet ukoll li tirriserva d-dritt għal miżuri ta’ ritajlazzjoni kulmeta u fil-ħin li tqis bħala neċessarji.

Fl-istess ħin, il-Kremlin innota li l-inċident bid-drones seħħ ftit qabel iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum ir-Rebħa li jfakkar fit-trijonf tas-snin erbgħin fuq il-Ġermanja Nażista u li se jsiru fir-Russja nhar it-Tlieta, id-9 ta’ Mejju.