Internazzjonali

‘L-Unjoni Ewropea trid proġetti ta’ enerġija rinnovabbli’ – Oliver Varhelji

F’intervista li saret minn Net News ma’ Oliver Varhelji, il-Kummissarju tal-Unjoni Ewropea għat-Tkabbir tal-UE, huwa tkellem dwar l-isfidi li qed taffaċċja l-Ewropa fejn jidħol is-settur tal-Enerġija.

Oliver Varhelji qal li l-Gwerra li għaddejja bħalissa fl-Ukrajna u li issa ilha tippersisti għal aktar minn 430 ġurnata ġabet ħafna sfidi f’dan is-settur u għalhekk, l-għan tal-Unjoni Ewropea hu li tara li tadotta proġetti għall-enerġija rinovabbli.

Waqt l-intervista li saret minn dan l-istazzjon mal-Kummissarju Ewropew għat-tkabbir, Oliver Varhelji tkellem ukoll dwar l-immigrazzjoni li ġġib magħha diversi sfidi għall-Ewropa.

Il-kawżi tal-immigrazzjoni huma taħlita ta’ fatturi li jinkludu kwistjonijiet marbuta mas-sigurtà, id-demografija, id-drittijiet tal-bniedem, il-faqar u t-tibdil fil-klima.

Minn naħa tiegħu, il-Kummissarju Varhelji saħaq li l-Unjoni Ewropea hija kommessa li taħdem id f’id ma’ kull stat membru kif ukoll mal-imsieħba fir-reġjun ta’ Maghreb sabiex tiġi riżolta din l-isfida ewlenija.