Żagħżugħ Sudaniż inżamm taħt arrest wara li ġie mixli quddiem il-Maġistrat Noel Bartolo li nhar it-Tlieta filgħaxija bejn l-10pm uy l-11.15pm ġewwa Ħal Far kellu xi jgħid ma’ xi ħaddiema waqt li kien fis-sakra u li kien hemm bżonn l-għajnuna tal-Pulizija, li spiċċa biex agredixxa lil uħud minnhom.
Abdulaziz Ali Abdalla Adem ta’ 23 sena wieġeb mhux ħati li wettaq dawn ir-reati fejn skont l-Ispettur Jonathan Cassar qal li l-akkużat huwa residenti Ħal Far fejn meta l-Pulizija marru biex jikkalmaw is-sitwazzjoni, kien aggressiv fejn ipprova jigdem Pulizija u weġġa’ ieħor ħafif.
Hekk kif tressaq il-Qorti l-akkużat qal li m’għandux meżżi biex iqabbad avukat bil-Qorti taħtar lil Christopher Chircop bħala avukat tal-għajnuna legali. L-akkużi fil-konfront ta’ Adem jgħidu li ħebb u attakka żewġ Surġenti tal-Pulzija nisa u żewġ Kuntistabbli maskili.
Huwa ġie mixli wkoll b’theddid u inġurji u li fera ħafif Surġenta tal-Pulizija, li ħareġ il-barra mill-limiti tal-provokazzjoni, li ma obdiex l-ordnijiet leġittimi tal-Pulizija u li kiser il-paċi pubblika. Ġie mixli wkoll li kien fis-sakra u mhux kapaċi jieħu ħsieb tiegħu nniffsu, li kiser ordni tal-Qorti meta nstab ħati li seraq rota u li sar reċidiv. Ma saritx talba għall-pleġġ u għalhekk inżamm arrestat. L-Ispettur Doriette Cuschieri ukoll kienet tagħmel parti mill-Prosekuzzjoni f’dan il-każ.
//= $special ?>