Għada Napoli jistgħu jsiru champions tal-Italja wara aktar minn 30 sena meta jilagħbu barra minn darhom kontra Udinese.
Intant, fl-Allianz Stadium, Juventus kisbu rebħa ta’ 2-1 fuq Lecce. L-Arġentin Leandro Paredes poġġa lill-Bianconeri fil-vantaġġ wara kwarta logħob, b’Fabio Miretti jkollu l-gowl tiegħu mħassar mill-VAR għaxar minuti wara. Lecce ġabu l-iskor indaqs fis-37 minuta permezz ta’ penalty ta’ Assan Ceesay iżda Dusan Vlahovic skorja dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa għal Juventus fl-40 minuta.
Inter kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva meta barra minn darhom għelbu lil Verona 6-0. Awto-gowl ta’ Adolfo Gaich poġġa lil Inter fil-vantaġġ wara 31 minuta biex gowls ta’ Hakan Calhanoglu u Edin Dzeko għamlu l-iskor 3-0 qabel tmiem l-ewwel taqsima. Fit-tieni taqsima Inter komplew fejn ħallew u kienu doppjetta ta’ Lautaro Martinez u għal darb’oħra Edin Dzeko li għamlu l-iskor 6-0.
Gowl lejn it-tmiem salva punti għal Milan fi draw ta’ 1-1 kontra Cremonese. Kien David Okereke li poġġa lil Cremonese fil-vantaġġ fis-77 minuta. Junior Messias fil-ħin mogħti żejjed ġab l-iskor indaqs għal skor finali ta’ 1-1.
Lazio rritornaw għar-rebħ u kisbu rebħa ta’ 2-0 fuq Sassuolo. Felipe Anderson poġġa lil Lazio fil-vantaġġ wara 14-il minuta biex lejn it-tmiem kien Toma Basic li għamel l-iskor 2-0.
Roma minn naħa tagħhom kienu miżmuma fi draw ta’ 1-1 kontra Monza. Stephan El Shaarawy poġġa lit-tim ta’ Jose Mourinho fil-vantaġġ wara 24 minuta. Luca Caldirola ġab id-draw għal Monza fid-39 minuta.
Draw mill-isbaħ ta’ 3-3 bejn Salernitana u Fiorentina. Boulaye Dia poġġa lil Salernitana fil-vantaġġ wara 10 minuti, b’Nicolo Gonzalez iġib l-iskor indaqs għal Viola. Salernitana fil-vantaġġ għal darb’oħra fid-59 minuta meta reġa kien Dia, b’Jonathan Ikone jirrispondi fil-71 minuta għal Viola. Dia skorja l-hat-trick fil-81 minuta permezz ta’ penalty, bi Fiorentina jerġgħu jirrispondu fil-84 minuta permezz ta’ Cristiano Biraghi għal skor finali ta’ 3-3.
Atalanta komplew iżidu l-problemi għal Spezia meta għelbuhom bl-iskor ta’ 3-2. Kienu Spezia li marru fil-vantaġġ wara 18-il minuta permezz ta’ Emmanuel Gyasi. Marten De Roon ġab l-iskor indaqs fit-32 minuta. Fit-tieni taqsima, żewġ gowls oħra għat-tim ta’ GianPiero Gasperini permezz ta’ Davide Zappacosta u Luis Muriel filwaqt li Mehdi Bourabia naqqas l-iskor għal Spezia.
Sampdoria komplew jersqu viċin ir-relegazzjoni meta kienu megħluba bl-iskor ta’ 2-0 minn Torino. Il-gowls għal Torino waslu minn Alessandro Buongiorna u Pietro Pellegri.
//= $special ?>