Il-Ħamis il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech iltaqa’ mal-atleta Stephen Sammut Nurminen fejn fost l-oħrajn irringrazzjah għal din l-inizjattiva bi skop nobbli. Il-Kap tal-PN stqarr illi kien ta’ unur għal pajjiżna li Stephen irnexxielu jtemm din l-isfida b’suċċess.
L-atleta Stephen Sammut Nurminen huwa l-ewwel atleta li qatt ġera t-tul kollu ta’ Sqallija – mil-Lvant sal-Punent tal-gżira; l-itwal ġirja li qatt għamel atleta Malti.
Dan hekk kif it-Tnejn li għadda huwa temm b’suċċess din il-ġirja ta’ 365km bil-għan li jinġabru ikliet għas-soup kitchen tal-Belt Valletta.
Stephen, li għandu 37 sena, ġera minn Sirakuża sa Marsala f’temp ta’ 70 siegħa. Sfida li ma kinitx waħda faċli għal dan l-atleta hekk kif inizjattiva ta’ dan it-tip tirrikjedi ħafna preparazzjoni kemm fiżika kif ukoll mentali.
Fl-ewwel kummenti tiegħu wara li lesta din il-ġirja huwa qal li din kienet esperjenza indimentikabbli li tagħti sodisfazzjon kbir.
Stephen Sammut jinsab sodisfatt li permezz ta’ din l-inizjattiva rnexxielu jiġbor iktar fondi sabiex jgħin lis-Soup Kitchen.
//= $special ?>