Is-sewwieq u ex-champion tal-Top Fuel Dragster, Duncan Micallef, li huwa wkoll il-President tal-Federazzjoni Maltija tal-Motorsport, ħabbar li se jerġa’ jtellaq mill-inqas fi tliet rawnds tal-Kampjonat Ewropew tad-Drag Racing tal-FIA tal-2023.
Micallef mhux wiċċ ġdid f’dan il-kampjonat hekk kif f’Settembru tal-2016, huwa waqqaf rekord ta’ 3.89 sekondi f’Santa Pod. Fl-2017 huwa kien iddikjarat l-iktar sewwieq veloċi Ewropew u rebaħ il-Kampjonat Ewropew tal-FIA Top Fuel Dragster, l-aktar tip ta’ sport tal-karozzi veloċi fid-dinja. Micallef qed jirritorna fil-kampjonat wara erba’ snin. Lokalment Micallef kien intgħażel bħala Sportiv tas-Sena għal sentejn konsekuttivi, 2016 u 2017, waqt l-iSport Malta Awards – Għazliet Sportivi Nazzjonali.
Micallef ikkonferma li xorta se jkun qed jibqa’ President tal-Malta Motorsport Federation u, flimkien mat-tim tiegħu, se jkompli jmexxi d-diversi proġetti li bħalissa qed isiru mill-Federazzjoni.
L-ewwel debutt ta’ Micallef se jkun fil-Main Event f’Santa Pod bejn il-Ġimgħa 26, u t-Tnejn 29 ta’ dan ix-xahar.
//= $special ?>