Jum wara l-ieħor ġimgħa wara l-oħra ż-żieda fil-prezzijiet lanqas biss għadha sorpriża għal familji Maltin u Għawdxin.
U tant saret ħaġa komuni li sfortunatament taħt Gvern Laburista mmexxi minn Robert Abela spiċċat xi ħaġa li lanqas biss tiskantak – illum tixtri laħam, pakkett toilet paper jew ħobż sliced għal prezz …. u ftit jiem wara ssibu li għolhielek. Sa din il-ġimgħa stess, il-konsumaturi reġgħu esperjenzaw żieda fil-prezz tal-butir, tad-dqiq u taz-zokkor; apparti prodotti oħra li jinxtraw regolarment mill-familji.
Il-piż tal-għoli tal-ħajja tant qed jikber li ħafna mhux ilaħqu sat-tielet ġimgħa tax-xahar.
Sa Settembru li għadda… mat-86,000 persuna f’Malta kienu jinsabu f’riskju ta’ faqar – persuni li żieda ta’ 10 ċenteżmi fil-prezz tal-ħobż tagħmlilhom differenza kbira fil-bwiet tagħhom.
Preżentament, ir-rata tal-inflazzjoni f’pajjiżna qed tiżboq is-7% – waħda mill-ogħla rati ta’ inflazzjoni li l-Gżejjer Maltin qatt raw sa mill-ewwel snin tat-tmeninijiet…ironikament żmien ieħor li l-Maltin u l-Għawdxin kienu taħt it-tmexxija ta’ Gvern tal-Labour.
Iżda minkejja dan kollu….wara li l-membri tal-Kabinett ta’ Robert Abela ma kellhomx idea li l-prezz tal-ħobż żdied – issa jidher li lanqas biss huma konxji kemm hi r-rata ta’ inflazzjoni f’pajjiżna.
Dan wara li Net News staqsihom ċar u tond biex iwieġbu din id-domanda sempliċi; iżda minflok tweġiba, provaw idawwru din il-kwistjoni sensittiva f’ballun politiku, bil-botti soliti partiġġjani.
Dawn it-tweġibiet ta’ Clayton Bartolo u Roderick Galdes juru li t-tim madwar Robert Abela huwa maqtugħ mill-polz tal-poplu … u li ftit li xejn jinteressahom mill-isfidi li jħabbtu wiċċhom iċ-ċittadini. Ministri li minflok jitħabtu sabiex uliedna ma jkun jonqoshom xejn..issibhom biss biex jidru sbieħ fuq il-media soċjali, jew kif qalilhom Edward Zammit Lewis…. “tfal u pożi”.
//= $special ?>
