Lokali Qorti

Eks ġurnalist jingħata raġun f’libell iżda ma jingħatax fi tnejn oħra

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello ordnat lill-Editur tal-Malta Today, Saviour Balzan, biex jagħti kumpens ta’ €2,500 lill-eks-ġurnalist ta’ The Times of Malta, Ivan Camilleri, fuq malafama. Madankollu żewġ libelli oħra li kien fetaħ Camilleri kienu miċħuda mill-istess Qorti, wieħed kontra l-istess Balzan u l-editur tas-sit elettroniku maltatoday.com.mt, Kurt Sansone, u l-ieħor li kien sar kontra l-eks-ġurnalist tal-ġurnal “Illum”, Yendrick Cioffi.

Il-libell mirbuħ minn Camilleri kien dwar l-artiklu “The bigger picture” li kien ġie pubblikat fil-ġurnal u s-sit elettroniku Malta Today fit-2 ta’ Frar 2020. Hawn Ivan Camilleri ngħata raġun bir-rapport għax qal li l-ġurnal ta x’jifhem li huwa kien jagħmel stejjer biex jieħu lura xi ħaġa.

Bħala difiża għal dan Balzan qal li s-superjuri ta’ Camilleri kienu ta’ spiss jirċievu ilmenti li Camilleri kien qed jikteb l-artikli fl-interess ta’ xi ħadd. Il-Maġistrat Rachel Montebello qaler fid-deċiżjoni tagħha li bħala ġurnalist Camilleri kien persuna pubblika.

Qalet li ma taqbilx ma’d-difiża ta/ Saviour Balzan meta qal li huwa ma kienx qed jimplika li Camilleri kien jinxtara jew jixxaħħam biex jikteb ċertu artikli. Anzi qalet li taqbel ma’ Camilleri li huwa kien qed jiġi akkużat li qed jikser l-etika ġurnalistika għax kien jirċievi pjaċiri jew xi xorta ta’ ħlas minn persuni fin-negozju biex jikteb artikoli favorevoli għalihom.

Meta fliet il-każ il-Qorti qalet li mad-daqqa t’għajn, Camilleri jidher li kiteb artikli li jiffavorixxu lil kumpanija li tefgħet offerta għas-servizz tal-“fast ferry’ bejn Malta u Għawdex, iżda dan ma jiġġusitfikax dak li qal Balzan li huwa ssuspetta li Camilleri kitibhom biex jaġevola l-interessi ta’ ċertu negozjanti għax kien jirċievi pjaċiri jew ħlas mingħandhom.

Dwar il-libelli l-oħra, l-Maġistrat Montebello qalet li ma tqisx libellużi żewġ artikli oħra li dehru fl-20 ta’ Diċembru 2019, wieħed fuq il-Malta Today bit-titlu Times sacks Ivan Camilleri after alleged tip-off to Yorgen Fenech mentioned in court” u l-ieħor fuq il-ġurnal Illum bit-titlu “Ivan Camilleri jitkeċċa mit-Times wara li allegatament għamel kuntatt ma’ Yorgen Fenech”.

Camilleri minn naħa tiegħu ċaħad li b’xi mod ikkomunika ma’ Yorgen Fenech jew ma’ xi ħadd mill-familja biex jiddiskuti materji konnessi mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Il-Maġistrat Montebello qalet li Camilleri kien imkeċċi minħabba allegat ‘tip-off’ lil Yorgen Fenech lejlet l-arrest tiegħu u li lejlet l-istess arrest għaddielu informazzjoni li huwa ta’ interess għall-Pulizija.

Tenniet li huwa minnu li min qara t-titlu tal-artikli jista’ jaħseb li Camilleri tkeċċa għax kien identifikat, fix-xhieda li nstemgħet fil-Qorti l-ġurnata ta’ qabel, bħala l-ġurnalist li kien wassal it-“tip-off” lil Fenech. Madankollu sostniet ukoll li ma taqbilx li fl-artikli, meta jinqraw b’mod komplet, ġie dikjarat li Camilleri ssemma b’ismu waqt il-kumpilazzjoni.

Sostniet ukoll li fl-artikli ħareġ li l-isem tal-ġurnalist li allegatament wassal informazzjoni lil Fenech ma ġiex żvelat fix-xhieda fil-kumpilazzjoni iżda minn sorsi tal-ġurnali. Minkejja li l-artiklu jnissel rabta bejn Ivan Camillieri u Yorgen Fenech, din saret leġittimament għax jirriżulta li tassew hemm assoċjazzjoni bejn ir-referenza li saret fil-kumpilazzjoni għal ċertu Ivan u t-tkeċċija ta’ Camilleri mill-impjieg dakinhar stess minħabba din il-komunikazzjoni.

Il-Maġistrat Rachel Montebello ikonkludiet li għalhekk meta jissemma li Camilleri tkeċċa mill-impjieg minħabba l-allegazzjoni ta’ ‘tip-off’ lil Yorgen Fenech ma kinitx allegazzjoni falza imma fattwali u korretta. Il-Qorti qalet ukoll li l-artikli ma jgħidux li Camilleri kkomunika ma’ Fenech u wassallu informazzjoni kunfidenzjali imma li teżisti evidenza li turi li din il-komunikazzjoni seħħet u mhux li din il-komunikazzjoni effettivament seħħet bħala fatt.

Għal dawn ir-raġunijiet li hija ma sabitx lil Malta Today u lil gazzetta Illum ħatja li mmalafaw lil Camilleri. L-Avukati Veronique Dalli u Andrew Saliba deheru għal Saviour Balzan filwaqt li għal Camilleri deher l-Avukat Peter Fenech.