Lokali

“Il-Gvern, mill-kliem irid jgħaddi għall-fatti”

Ritratt: Matthew Tabone

Il-Prim Ministru mill-kliem irid jgħaddi għall-fatti…. Huwa tajjeb li wieħed jirikonoxxi li l-prezz tal-proprjeta qiegħed dejjem jgħola… iżda l-problema ma tistax tissolva bil-kliem biss.

L-edtorjal tal-MaltaToday din il-ġimgħa tefa’ dawl fuq il-problema tal-prezz tal-proprjeta, hekk kif il-koppji mhux qed ilaħħqu ma’ dawn il-prezzijiet.

Studju li sar minn Grant Thornton u minn Dhalia wera li żewġ persuni li għandhom dħul medju ta’ madwar 40,000 fis-sena jistgħu jisselfu madwar 300,000 ewro.

Iżda dawk il-kopji li għandhom ‘minimum wage’, qed isibuha ferm diffiċli biex jixtru proprjeta hekk kif il-bank isellifhom biss 145,000 ewro.

U l-problema tkompli tikber meta persuna waħedha li għandha dħul ta’ madwar 21,000 ewro tkun trid tixtri proprjetà… għax ma tkunx tista’ tissellef flus biżżejjed biex tixtri proprjeta bi prezz medju.

Dan l-istudju wera li l-prezz medju ta’ proprjeta ‘finished’ f’pajjiżna huwa ta’ 259,000 ewro iżda dan ivarja skont il-lokalitajiet. L-iktar proprjetajiet irħas jinsabu fil-lokalitajiet tal-Marsa u l-Ħamrun, u anke f’Għawdex – fejn hawnhekk il-prezz jinżel għal 165,000 ewro.

L-editur jgħid li għal dawn l-aħħar snin kienu bosta dawk li tefgħu dawl fuq il-problema tal-prezz dejjem jogħla tal-proprjetà.

L-editorjal jagħmel referenza għal dak li qal il-Prim Ministru Robert Abela fejn propona miżuri sabiex jgħinu lil dawn il-koppji… iżda mhux lil kulħadd. Dan hekk kif xorta għad hemm persuni li ma jikkwalifikawx għal dawn il-miżuri u lanqas għall-postijiet tal-Gvern.

Għalhekk l-editur appella lill-Gvern biex mill-kliem jgħaddi għall-fatti u verament jieħu azzjonijet konkreti fosthom li joħloq units tal-housing bi prezz ridott u li jkunu jistgħu jinxtraw mill-first time buyers – azzjoni li trid issir illum qabel għada għax hija xi ħaġa li tieħu ż-żmien biex titwettaq.