Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li dawk l-aktar vulnerabbli jingħataw biżżejjed dħul li jgħinhom jgħixu ħajja dinjituża
Konferma oħra li l-Gvern ta’ Robert Abela jgħid li hu Soċjalista imma li fil-verità tilef ir-ruħ soċjali tiegħu toħroġ mill-rapport maħruġ mill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali (NAO).
Fi stqarrija ffirmata d-Deputati Nazzjonalisti David Agius, Ivan Bartolo u Albert Buttigieg saħqu li f’dan ir-rapport, l-Awditur jgħid bla tlaqliq li familja li tiddependi fuq il-benefiċċji soċjali, jew dawk li ma jkunux ħallsu l-bolla, mhux qed tirċievi għajnuna jew dħul biżżejjed biex tgawdi livell ta’ għajxien diċenti.
Ir-rapport jgħid li familja ta’ erba’ persuni li hi finanzjarjament vulnerabbli u li m’għandhiex għażla ħlief li tistrieħ fuq dawn il-kontribuzzjonijiet mhix tingħata dħul biżżejjed biex tgħix ħajja diċenti. Dan, ikompli jgħid ir-rapport, juri li l-għan ewlieni tal-benefiċċji soċjali mhux jintlaħaq.
Min-naħa l-oħra, ir-rapport jgħid li n-nefqa minima annwali għal familja ta’ żewġ adulti u żewġt itfal hi ta’ €15,185, filwaqt li n-nefqa minima annwali għal ħajja diċenti hi ta’ €26,389 fis-sena. Madankollu, familja fuq il-benefiċċji soċjali għandha dħul disponibbli totali ta’ €12,478.
Dan kollu qed iwassal biex dawn il-persuni jgħixu fil-faqar u bi kwalità baxxa tal-ħajja.
Il-benefiċċji huma intenzjonati li jgħinu persuni li, għal xi raġuni jew oħra, huma meqjusin bħala vulnerabbli u li m’għandhomx impjieg għax dawn il-kontribuzzjonijiet isaħħulhom id-dħul ewlieni tagħhom, fid-dawl tal-vulnerabbiltajiet diversi li jkollhom, fosthom dawk fiżiċi, soċjali u mentali.
Għalkemm dawn huma l-aktar persuni li għandhom bżonn l-għajnuna tal-Istat, il-Gvern ta’ Robert Abela qed jonqoshom u jwarrabhom. Umbagħad hemm dawk tal-qalba fiċ-ċirku ta’ Robert Abela u sħabu li qed jitaħanżru kontiwament minn fuq flus il-poplu Malti u Għawdxi.
Quddiem dan kollu, il-Partit Nazzjonalista jtenni li mhux biss din is-sitwazzjoni għandha tkun riveduta u indirizzata biex ikun assigurat li dawk l-aktar vulnerabbli jingħataw biżżejjed dħul li jgħinhom jgħixu ħajja dinjituża, iżda wkoll li jjingħataw kull appoġġ biex ikun assigurat li jkollhom livell ta’ għajxien ta’ kwalità.
Għall-Partit Nazzjonalista dawn il-persuni vulnerabbli mhumiex numru iżda persuni li għandhom id-dritt ta’ dinjità umana.
//= $special ?>