Internazzjonali

Is-Sudan: L-ebda rieda li l-ġlied jieqaf…

L-Ogħla Uffiċjal tan-Nazzjonijiet Uniti li hu responsabbli mill-għajnuna lis-Sudan wissa li l-Kmandanti – Ġenerali – tal-qawwiet Sudaniżi avversarji ‘mgħandhomx ir-rieda’ li jtemmu l-konflitt ċivili li ilu għaddej mix-xahar li għadda u minkejja t-theddida ta’ kriżi umanitarja kbira fil-pajjiż Afrikan.

Martin Griffiths  wissa wkoll li l-gwerra ċivili fis-Sudan tinsab qrib dimensjoni jerġa’ aktar perikoluża fejn il-battalji jinfirxu anki ‘il hinn minn dan il-pajjiż.

Fl-istess ħin, hu sejjaħ għall-garanziji tas-sigurtà mingħand il-ġellieda fis-Sudan biex jippermettu għat-trasport tal-għajnuna umanitarja lejn Khartoum u bliet Sudaniżi oħrajn.

Il-ġlied fis-Sudan ilu għaddej min-nofs ta’ April u jinvolvi lill-Armata Sudaniża u l-avversarji paramilitari tal-grupp RSF li jridu jaħtfu l-kontroll fil-pajjiż. Filwaqt li ħarbu l-għexieren tal-eluf tas-Sudaniżi, qed tikber ukoll il-kriżi interna tar-refuġjati fost sitwazzjoni imprevedibbli.

In-Nazzjonijiet Uniti wissiet li l-battalji fis-Sudan jistgħu jwasslu għall-eżodu mill-pajjiż ta’ aktar għexieren ta’ eluf – b’Martin Griffiths, wara żjara f’Port Sudan, jitkellem dwar il-‘fatt konkret’ li l-Armata u l-RSF huma ‘ħerqanin’ biex ikomplu b’din il-gwerra.

Il-kummenti ngħataw wara telefonati bejn Griffiths u l-Ġenerali tal-qawwiet rivali u meta Port Sudan, issa, inbidel f’ċentru ewlieni għall-evakwazzjoni tas-Sudaniżi u hub għall-għajnuna umanitarja.