Sport Waterpolo

It-tim nazzjonali Malti jħalli pajjiżna biex jipparteċipa fis-semifinali ta’ Diviżjoni B tat-Tazza tad-Dinja

Stewart Said

It-tim nazzjonali Malti ħalla pajjiżna llum fi triqtu lejn il-kapitali Ġermaniża Berlin biex jipparteċipa fis-semifinali ta’ Diviżjoni B tat-Tazza tad-Dinja. Permezz ta’ format ġdid, din hi l-ewwel darba li timijiet ta’ Diviżjoni B se jkollhom ċans li jikkwalifikaw għat-Tazza tad-Dinja organizzata mill-World Aquatics.

Il-format il-ġdid jagħti l-opportunità li dawk in-nazzjonijiet li jkunu ġew fit-tieni post ta’ Grupp A u Grupp B, jilagħbu kontra r-rebbieħ tal-grupp l-ieħor u b’hekk ikunu determinati ż-żewġ postijiet ta’ kwalifikazzjoni li fadal u jingħaqdu ma’ Spanja, il-Greċja, is-Serbja, l-Italja, l-Istati Uniti u l-Ungerija fil-fażi finali.

Grupp A hu magħmul mill-Iran, il-Każakistan, in-New Zealand u r-Rumanija filwaqt li l-Afrika ta’ Isfel, iċ-Ċina, il-Ġermanja u Malta se jikkontestaw Grupp B. Il-Każakistan u r-Rumanija minn Grupp A u l-Afrika ta’ Isfel u l-Ġermanja minn Grupp B huma l-favoriti li jispiċċaw fl-ewwel żewġ postijiet tal-gruppi rispettivi.

It-tim Malti jiftaħ l-impenji għada fis-1.00pm kontra l-Ġermanja u għada stess iżda fis-7.00pm jintlagħab it-tieni konfront kontra ċ-Ċina. It-tielet partita kontra l-Afrika ta’ Isfel tintlagħab is-Sibt fis-2.00pm, bit-tim Malti jtemm l-impenji tiegħu l-Ħadd 7 ta’ Mejju b’logħba ta’ klassifikazzjoni.

L-iskwadra finali se tkun immexxija minn Niki Lanzon u Anthony Farrugia hi: Jake Tanti (San Ġiljan), Nicholas Bugelli (San Ġiljan), Liam Galea (Sliema), Sam Gialanze (Neptunes), Matthew Mifsud (Sliema), Benji Cachia (Sliema), Ben Plumpton (San Ġiljan), Jordan Camilleri (Neptunes), Jeremy Abela (San Ġiljan), Nikolai Zammit (San Ġiljan), Alec Fenech (Neptunes), Dino Zammit (Sliema), Matthew Castillo (Exiles), Mark Castillo (Neptunes)