Lokali

“Iżra fjura, iżra mħabba”

Missio Malta qed tieħu sehem fl-attività annwali, Valletta Green Festival li qed issir f’Pjazza San Ġorġ, il-Belt Valletta bejn it-2 u 7 ta’ Mejju.

Min iżur l-attività li tippromwovi ħajja iktar qrib tan-natura, jista’ jżur l-istand ta’ Missio fejn għal donazzjoni jingħata żerriegħa tal-warda tax-xemx.

Robert Farrugia, Kap tal-Komunikazzjoni u l-Ġbir ta’ Fondi ta’ Missio Malta qal li din il-fjura tipika tal-Mediterran magħrufa għall-kulur isfar jgħajjat tagħha, dejjem iddur tħares lejn ix-xemx. Bl-istess mod, kuljum Missio permezz tal-ħidma tagħha tgħin elf ta’ persuni f’pajjiżi mbgħeda tal-Afrika, l-Asja u l-Amerika t’Isfel, sabiex ikunu jistgħu huma ukoll iħarsu lejn id-dawl, u jittamaw f’ġejjieni aħjar.

Il-flus miġbura minn din l-attività se jmorru b’risq proġett ta’ razzett agrikolu fit-Tanzanija, li se jgħin fil-ġenerazzjoni tal-ikel għal numru ta’ familji.

L-attività Valletta Green Festival hija mtellgħa mill-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta.