Lokali Qorti

Kumpens ta’ kważi €100,000 għal Pulizija li spiċċa b’diżabbiltà permanenti tliet xhur qabel ma żżewweġ

Il-Qorti ordnat li l-membru tal-Korp tal-Pulizija, Anthony Dimech, li llum għandu 35 sena mill-Imġarr, li f’Marzu tal-2015 għal xi ħin kien fil-periklu tal-mewt kawża ta’ ġrieħi gravi li sofra f’inċident tat-traffiku li fih kien hemm involuti tliet karozzi, jingħata kumpens ta’ €96,442.

L-inċident seħħ fil-jum tas-Sibt għall-ħabta tad-9.15 p.m. fi Triq tal-Barrani ftit ’l isfel mir-roundabout ta’ Santa Luċija. Dimech kien qed isuq karozza Opel fid-direzzjoni taż-Żejtun meta fuq in-naħa l-oħra tat-triq kienu ġejjin żewġ karozzi oħrajn, Toyota Vitz li fiha kien hemm żewġ barranin u Honda Prelude.

Mill-provi ħareġ li l-inċident seħħ 3 xhur qabel Dimech kellu jiżżewweġ tant li fit-tieġ kien bil-krozzi. Espert tal-qorti xehed li Al Taroug qabeż mill-karreġġjata tax-xellug għal-lemin bil-konsegwenza li laqat il-karozza misjuqa minn Grech li spiċċat qabżet is-central strip għan-naħa l-oħra tat-triq u baqgħet dieħla f’dik misjuqa mill-vittma. Grech kien qed isuq b’veloċità eċċessiva.

Żewġt xufiera kienu ordnati joħorġu bejniethom dan il-kumpens lil wara li nżammu responsabbli ta’ inċident tat-traffiku li ħalla lill-vittma b’diżabbilità permanenti ta’ 13 fil-mija. Dimech kien involut f’ħabta ma’ Karol Grech u Salahiddin Mohammed Al Taroug.

Fil-kawża għad-danni, Dimech qal li wara li ż-żewġ karozzi ħabtu flimkien waħda minnhom qabżet is-central strip u baqgħet dieħla fuqu. Mad-daqqa, it-tliet karozzi sofrew ħsarat kbar waqt li Grech u Dimech sofrew ġrieħi gravi. Dimech kien qed isuq fid-direzzjoni ta’ Bir id-Deheb waqt li ż-żewġ xufiera l-oħra kienu qed isuqu fid-direzzjoni opposta.

It-Toyota, misjuqa minn Al Taroug Salahiddan Mohammed dak iż-żmien ta’ 45 sena residenti Paceville u li miegħu kellu lil Barbara Rawia dak iż-żmien ta’ 28 sena residenti, u l-Honda, misjuqa minn Karol Grech, dak iż-żmien ta’ 23 sena, li miegħu kellu lil Maria Bianco dak iż-żmien ta’ 21 sena, t-tnejn minn Ħaż-Żabbar, ħabtu f’xulxin.

Mad-daqqa kienet il-Honda Prelude qabżet is-centre strip minn fejn kien ġej mid-direzzjoni opposta Dimech biż-żewġ karozzi jaħbtu head-on. Mad-daqqa l-karozza li kien fiha l-Pulizija daret u baqgħet dieħla f’siġra. Peress li l-Maltin kienu nqabdu fit-tifrik, fuq il-post marru l-membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li assistew lil dawk feruti biex jinħarġu mill-karozzi tagħhom.

Fuq il-post tal-inċident kienu ntbgħatu tliet ambulanzi bl-infermieri kif ukoll mar it-Tabib Jonathan Joslin. Il-ħames persuni ttieħdu l-Isptar Mater Dei. L-agħar li mar kien Anthony Dimech li oriġinarjament ma kellu xejn x’jaqsam mal-inċident u sab karozza oħra tibqa’ dieħla fih. Huwa qiegħed isofri minn ġrieħi gravi fosthom fil-pelvis, fil-pulmun, dahru u  f’riġlejh.

Aktar tard il-Pulizija kienu qalu fi stqarrija li Dimech kien qaleb għal aħjar u kien f’qagħda stabbli u m’baqax fil-periklu tal-mewt. Grech kien sofra ksur f’idejh filwaqt li Bianco wkoll sofriet xi ġrieħi. Il-mara barranija kellha wkoll ħtieġa ta’ għajnuna medika filwaqt li r-raġel barrani rrifjuta l-għajnuna tat-tobba.

Fis-sentenza tagħha, l-Imħallef Joanne Vella Cuschieri qalet li Al Taroug u Grech kienu responsabbli tal-inċident. Sostniet li Dimech inzerta fil-post u fil-ħin il-ħażin u spiċċa vittma tal-inċident li beda minn ħabta bejn Grech u Al Taroug. Qalet li bl-ebda mod ma jista’ jitqies li Dimech kellu xi responsabilità għall-inċident.

Meta ġiet biex taħdem il-kumpens hija qieset li l-vittma kellu 27 sena u sofra diżabilità permanenti ta’ 13%. Kien għalhekk li ordnat liż-żewġ xufiera u lill-kumpaniji tal-assikurazzjoni tagħhom biex iħallsuh kumpens ta’ €96,442.