Lokali

Pressjoni fuq il-Gvern biex isalva wirt storiku f’Ħaż-Żebbuġ

Appell biex jiġi salvat Palazz tas-17-il seklu

Jekk il-Gvern irid iżomm mal-wegħda li jsaħħaħ l-ambjent fil-lokalitajiet Maltin u Għawdxin ċertament li għandu jisma’ l-appell tagħna u jieħu azzjoni.

Huwa dan il-messaġġ li wassal il-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ fejn il-kunsillieri unanimament qed jisħqu li l-Gvern Ċentrali għandu jixtri Villa Buleben jew kif inhi magħrufa maż-Żebbuġin, il-Palazz tal-Baruni.

Dan il-Palazz li jmur lura saħansitra sas-17-il seklu u li jagħti għal Wied Qirda…hu mgħammar b’kappella ddedikata lill-Madonna tal-Abbandunati kif ukoll ġnien b’siġar taż-żebbuġ li jmorru lura 300 sena – fost l-eqdem f’pajjiżna.

Ritratt: Martin Agius
Ritratt: Martin Agius

Is-Sindku Laburista Mark Camilleri insista mal-midja li l-pjanti proposti mill-privat qed juru sfreġju minn dan il-patrimonju storiku…b’lukanda ta’ diversi kmamar li mhux biss se teqred dan il-ġnien storiku, iżda żgur li tkun inkonvenjent għar-residenti tal-madwar.

Għaldaqstant huma qed jagħmlu dan l-appell kemm lill-Gvern kif ukoll lill-Awtorità tal-Ippjanar…sabiex dan il-wirt storiku jitgawda minn kulħadd.

Is-Sindku saħaq li preżentament għadu ma ħariġx il-permess iżda hemm il-biża’ li jiġri xi ħaġa li tmur kontra l-interessi tal-lokal.

Ritratt: Martin Agius

Huma qed jappellaw ukoll sabiex wara li jinxtara mill-Gvern, dan il-palazz jiġi restawrat flimkien mal-Kappella u l-ġnien.

Net News tkellem ukoll mal-Kunsillier Nazzjonalista David Battistino fejn insista li dan il-Palazz jinsab f’zona pjuttost kwieta u residenzjali…fejn tali żvilupp ċertament li se jwassal biex ikun hemm aktar ħsejjes b’avvenimenti fost oħrajn bħal ċelebrazzjoni ta’ tiġijiet. Festi kbar li mhux biss iżidu l-istorbju iżda wkoll it-traffiku…f’toroq dojoq u residenzjali.

Il-Kunsill ta’ Ħaż-Żebbuġ qiegħed jipproponi wkoll li dan il-Palazz, li preżentament jinsab għall-bejgħ  jintuża wkoll għall-konferenzi u l-wirjiet…hekk kif huwa mgħammar b’teatru. Filwaqt li l-ġnien jiġi mmodifikat għal wieħed botaniku sabiex iservi ta’ pulmun għar-residenti.

Ritratt: Martin Agius

Ġie mfakkar ukoll kif Villa Buleben kienet intużat  bħala post fejn inġibdu xi xeni mis-serje televiżiva Game of Thrones. U għalhekk, dan il-Palazz għandu jkun ammirat anke mit-turisti li jżuru lill-pajjiżna.

Net News tkellem mal-Perit Malcolm Cachia fejn saħaq li preżentament qed jiġi propost li l-proġett jitwessa aktar mill-footprint oriġinali tal-Palazz għal massa akbar – kemm fuq il-lat estern u anke intern.

Dan filwaqt illi insista li l-aċċess għall-proġett qed jiġi propost li jsir minn zona residenzjali permezz ta’ twaqqigħ ta’ ħajt.