Il-President Ukren, Volodymyr Zelensky waqt diskors lill-Qorti Kriminali Internazzjonali f’The Hague, talab għat-twaqqif ta’ tribunal tal-gwerra li jaċċerta li ssir il-ġustizzja mar-Russja għad-diversi massakri u reati oħra kontra l-bniedem waqt il-konflitt tal-Ukrajna.
Zelensky tenna ċar u tond li l-President Russu Vladimir Putin għandu jispiċċa kundannat minn din il-qorti ‘għall-ħafna azzjonijiet kriminali’ imwettqa mit-truppi tiegħu fuq iċ-ċivili tal-Ukrajna . Dan filwaqt li hu akkuża lir-Russja dwar 6,000 reat tal-gwerra matul ix-xahar li għadda biss u li fihom inqatlu ‘il fuq minn 200 ċivili Ukreni — inklużi t-tfal.
Id-diskors ta’ Zelensky f’The Hague sar l-għada li r-Russja akkużat lill-Ukrajna dwar attentat fuq il-ħajja ta’ Vladimir Putin…Attakk li allegatament tmexxa bid-drones li għaddew minn fuq il-Kremlin ta’ Moska qabel spiċċaw newtralizzati.
U waqt li l-Ukrajna ċaħdet kategorikament li wettqet l-azzjoni, ir-Russja, issa, qed takkuża lill-Istati Uniti dwar l-allegat attentat – bil-kelliem għall-Kremlin, Dmitry Peskov, jgħid li d-deċiżjonijiet għall-attakki ta’ dan it-tip ‘jittieħdu minn Washington u mhux minn Kiev’. Dan waqt li l-Istati Uniti ukoll ċaħdet li setgħet kienet involuta fil-każ tad-drones waqt li rreferiet għal Peskov bħala ‘giddieb’.
Sadanittant, Zelensky tenna, f’The Hague, li t-tribunal tal-gwerra li għandu jitratta ‘ir-reati tal-aggressjoni tar-Russja’ għandu jirrifletti l-eżempju ta’ ‘Nuremberg’ – il-belt fejn l-Alleati kienu mexxew il-famuż proċess ġudizzjarju għall-ogħla rappreżentanti tal-Ġermanja Nażista wara t-Tieni Gwerra Dinjija.
Meta tkellem fid-dettall dwar l-allegati reati tal-gwerra min-naħa tar-Russja, Zelensky irrefera wkoll għall-‘miljuni tal-attakki fir-reġjuni tad-Donbas u ċ-ċivili maqtula waqt l-okkupazzjoni ta’ Bucha mill-qawwiet tal-Kremlin.’ U hawnhekk, hu ħa l-ispunt biex jenfasizza li Vladimir Putin ħaqqu li jkun ikkundannat għall-azzjonijiet kriminali tiegħu mill-Imħallfin ta’ The Hague
Il-President Ukren anki rringrazzja lill-Olanda talli supplixxiet l-armamenti lill-Ukrajna. U bħala appell lill-Alleati tal-Punent, Zelensky insista li ‘il-gwerer jintrebħu bil-forza tal-armi’ u li l-Ukreni ‘huma determinati li joħorġu rebbieħa minn konflitt li ma riedu qatt li jseħħ.’
//= $special ?>