Internazzjonali

Xatt tal-Punent: Maqtulin militanti ‘fil-mira’ waqt ir-rejd f’Nablus

Il-qawwiet tas-sigurtà Iżraeljani, fl-aħħar sigħat, qatlu liż-żewġ militanti Palestinjani akkużati dwar il-qtil ta’ mara Iżraeljana ta’ nisel Britanniku u ż-żewġ uliedha waqt l-attakk ‘terroristiku’ tax-xahar li għadda fix-Xatt tal-Punent.

Dan seħħ waqt rejd mill-qawwiet Iżraeljani fil-belt ta’ Nablus u fost rapporti li anki tilef ħajtu tielet militanti li allegatament kien għen liż-żewġ qattiela.

Kien ukoll ikkonfermat li numru ta’ Palestinjani ndarbu waqt il-konfronti vjolenti, f’Nablus, mat-truppi li kienu qed ‘jivvendikaw’ il-qtil tat-tliet nisa.

Fl-attakk tas-7 ta’ April, it-tlett nisa – Lucy Dee u ż-żewġ uliedha, Rina u Maia – spiċċaw maqtula meta grupp ta’ militanti sparaw fuq il-karozza tagħhom viċin il-komunità ta’ Hamra, fil-Wied tal-Ġordan. In-nisa kienu kraxxjaw bil-karozza u bil-militanti, imbagħad, ikomplu jisparaw għal fuqhom mill-viċin bir-riżultat li ż-żewġ ulied mietu fuq il-post u b’Lucy tmut l-isptar ftit jiem wara.

Intant, ‘il fuq minn 200 suldat Iżraeljan ħadu sehem fl-azzjoni tal-aħħar sigħat fil-Kwartier l-Antik ta’ Nablus fost l-isplużjonijiet u diversi battalji fit-toroq tal-belt. Dan waqt li t-truppi immiraw speċifikament għall-appartament li serva bħala residenza għall-militanti mfittxija dwar il-qtil tan-nisa u li kienu identifikati bħala Hassan Qatanani u Moaz Masri – it-tnejn membri tal-grupp Hamas tal-militanti Palestinjani.