Żewġt irġiel mill-Pakistan residenti San Pawl il-Baħar tilfu ħajjithom traġikament wara inċident tat-traffiku bil-mutur fil-Mosta.
Il-każ seħħ fil-ħin tas-sitta tas-Sibt filgħodu fi Triq Żejfa meta għal xi raġuni seħħet ħabta bejn vettura tal-għamla Smart misjuqa minn raġel ta’ 41 sena mill-Mellieħa, u l-mutur li fuqu kien hemm iż-żewġ vittmi ta’ 41 u 33 sena rispettivament.
Fil-post minnufih ġiet imsejħa l-għajnuna tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kif ukoll tim mediku tal-ambulanzi. Filwaqt li r-raġel ta’ 33 sena ġie ċċertifikat mejjet fil-post, iż-żewġt irġiel l-oħra ttieħdu l-Isptar Mater Dei b’urġenza.
Aktar tard, sfortunatament, ir-raġel li kien passiġġier fuq il-mutur tilef il-battalja mal-mewt kawża tal-ġrieħi serji li ġarrab. Dan filwaqt li l-kundizzjoni tal-Malti għadha mhux magħrufa.
Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Leonard Caruana li ħatar inkjesta maġisterjali filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Ritratt: Martin Agius
