Corinne Vella tikkumenta dwar l-istqarrija tal-aħwa Degiorgio
F’risposta għall-istqarrija li ħarġu l-aħwa Alfred u George Degiorgio dalgħodu, Corinne Vella, oħt Daphne Caruana Galizia, il-ġurnalista li nqatlet b’karozza bomba f’Ottubru tal-2017, ikkritikat din id-dikjarazzjoniu saħqet illi d-dikjarazzjoni magħmula mill-aħwa Degiorgio mhi xejn ħlief tentattiv sabiex jiżvijaw il-proċeduri pendenti tal-qtil, b’referenza għall-ġuri li jmiss kontra s-suspettat tal-qtil Yorgen Fenech.
Permezz ta’ post imtella’ fuq il-media soċjali, Corinne Vella qalet li waqt intervista li saritlu ma’ Reuters, George Degiorgio innifsu ammetta li għalih il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia kien “business as usual”.
“Kien lest jisplodi l-karozza ta’ Daphne meta membri oħra tal-familja ta’ Daphne kienu qed jivvjaġġaw magħha, biex jiġbru l-ħlas għall-qtil ta’ Daphne” qalet Vella.
Corinne Vella qalet li minflokk iffaċċjaw il-proċess tal-ġuri u priġunerija ta’ għomor il-ħabs, George u Alfred Degiorgio ammettew li qatlu lil Daphne u ġew ikkundannati 40 sena ħabs.
Intant, fl-istqarrija maħruġa s-Sibt filgħodu mill-aħwa Degiorgio, iż-żewġt aħwa li ġew kundannati 40 sena ħabs wara li ammettew li qatlu lil Daphne Caruana Galizia ħabbru l-intenzjoni tagħhom li jimplikaw figuri politiċi prominenti, uffiċjali tal-pulizija ta’ grad għoli, kif ukoll lis-Servizzi tas-Sigurtà ta’ Malta, fl-assassinju ta’ din il-ġurnalista.
L-aħwa Degiorgio beħsiebhom jimplikawhom ukoll f’reati serji oħra, li dwarhom iridu jixhdu wkoll.
Dawn l-akkużi serji, u s’issa mhux sostanzjati, saru f’dokument mibgħut lill-media, u ffirmat mill-aħwa George u Alfred Degiorgio.
//= $special ?>