Jappella biex id-Deputati Parlamentari jħarsu verament l-interessi taċ-ċittadin
Dan il-proġett se jkun qiegħed jagħmel rovina minn dan ix-xatt – in-nies mhux se jkunu jistgħu jgħumu aktar, il-lokalità ta’ Tas-Sliema jixraqilha aħjar.
Sostna dan is-Sibt filgħodu s-Sindku ta’ Tas-Sliema John Pillow fejn insista li kemm il-kunsill kif ukoll ir-residenti huma mħassba dwar il-proġett tal-Gvern ta’ Robert Abela li jħalli aktar minn ħmistax-il elf metru kwadru baħar lis-settur privat biex jinbnew żewġ pontuni għad-dgħajjes u jottijiet.

Wara li l-mozzjoni minn fażi ta’ kumitat ma kinix għaddiet issa jmiss li jittieħed vot fil-Parlament sabiex tingħata l-barka biex jinbnew dawn il-pontuni li ċertament se jkunu ta’ xkiel f’waħda mill-uniċi bajjiet f’din iż-żona ta’ Tas-Sliema fejn bosta fis-sajf imorru jgħumu. Għaldaqstant is-Sindku Nazzjonalista John Pillow appella lid-Deputati taż-żewġ naħat tal-kamra sabiex jagħmlu l-għażla t-tajba, dik favur iċ-ċittadin.
Kelliema għall-Gvern insistew li dawn il-pontuni se jkunu mfasslin b’mod temporanju għas-sajf biss, madanakollu John Pillow insista li l-biża’ tiegħu hi li minn żewġ pontuni jkomplu jiżdiedu maż-żmien, fatt ieħor li mhux ta’ min wieħed jeskludi.
Fix xhur u l-ġimgħat li għaddew, il-Partit Nazzjonalista kien ċar li huwa kontra l-bini ta’ dawn il-pontuni fejn intqal li l-Gvern ta’ Robert Abela qiegħed jagħmel l-oppost ta’ dak li qiegħed jgħid fejn minflok qiegħed jieħu ħsieb l-ambjent fil-lokalitajiet Maltin u Għawdxin, f’dan il-każ il-baħar…qed jhedded iż-żona u jxekkel in-nies minn dan l-ispazju miftuħ.
