Il-Kumitat tal-Għaqda tan-Nar Santa Liena 18 ta’ Awwissu ta’ Birkirkara jixtieq jgħarraf lill-poplu Karkariż u lil dawk kollha responsabbli b’dan li ġej:
Għada l-Ħadd 7 ta’ Mejju 2023, l-Għaqda kienet ikkummissjonata mill-Parroċċa ta’ San Ġużepp Ħaddiem sabiex taħraq xi logħob tan-nar fil-bidu tal-pellegrinaġġ li ser isir bl-istatwa ta’ San Ġużepp Ħaddiem mill-Bażilika ta’ Sant’Elena għall-Parroċċa dedikata lilu. Dan bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet li jfakkru l-ħamsin anniversarju mit-twaqqif ta’ din il-Parroċċa.
Sfortunatament, fl-aħħar jiem u mingħajr qatt mal-Għaqda ġiet avżata minn qabel, minħabba avveniment privat li ser isir f’lok viċin ferm tal-għelieqi minn fejn l-Għaqda taħraq in-nar fil-jiem tal-festi u attivitajiet oħra li jsiru f’Birkirkara, il-permessi relattivi tal-Pulizija kienu miżmuma u dan minkejja li ġew imfittxija diversi soluzzjonijiet mas-sid in kwistjoni.
L-Għaqda tan-Nar Santa Liena 18 ta’ Awwissu tħoss li dan jista’ jkun il-bidu ta’ preċedent li meta issa fi ftit tax-xhur oħra u fil-futur tkun iċċelebrata l-festa ta’ Sant’ Elena, patruna ta’ Birkirkara u waħda mill-ikbar festi li jsiru f’Malta, jista’ jerġa’ jittieħed l-istess atteġġjament mis-sid in kwistjoni u l-permessi għall-ħruq tan-nar ikunu miżmuma wkoll. Dan bil-konsegwenza li l-Għaqda ma jkollix minn fejn taħraq il-logħob tan-nar u Birkirkara tispiċċa b’festa mingħajr l-arti piroteknika.
L-Għaqda tan-Nar Santa Liena 18 ta’ Awwissu tixtieq tiġbed l-attenzjoni tal-pubbliku li matul din l-aħħar sena, l-istess Għaqda ressqet l-ilmenti tagħha mad-Deputati kollha tad-Distrett u mal-awtoritajiet kompetenti dwar żviluppi illegali li seħħew u għadhom qed iseħħu f’sit viċin ferm tal-għelieqi minn fejn l-Għaqda taħraq il-logħob tan-nar. Jekk kemm-il darba dan l-iżvilupp illegali jiġi sanzjonat mill-Awtorità tal-Ippjanar minħabba f’applikazzjoni li tressqet quddiemha fl-aħħar xhur biex isir dan, il-konsegwenza tkun li ser ikun hemm problemi kbar biex id-dilettanti Karkariżi u l-poplu Karkariż jipprattikkaw u jgawdu mill-isbuħija tal-arti piroteknika fil-jiem tal-festi tagħna f’Birkirkara bħal irħula oħra.
Għaldaqstant l-Għaqda tan-Nar Santa Liena 18 ta’ Awwissu tappella lill-membri tal-Għaqdiet Karkariżi, lill-poplu Karkariż u lil kull min hu konċernat sabiex jappoġġjaw l-inizjattiva li qed tieħu l-Għaqda. “Nisħqu li għandhom jittieħdu l-passi neċessarji u li huma xierqa sabiex Birkirkara, li fl-aħħar snin ġa tteħditilha l-Kamra tan-Nar u s’issa għadna mingħajr soluzzjoni għal dan, ma tispiċċax mingħajr żona li minnha jkun jista’ jinħaraq il-logħob tan-nar fil-jiem tal-festi tagħna f’lokalità li ġa hija mdawwra mill-bini minn kullimkien.”
Is-sid jgħid li qed tinxtered informazzjoni mhux veritiera
Intant, f’komunikat li s-sid kellu ma’ dan is-sit, huwa insista li l-istqarrija maħruġa mill-għaqda qed ixxerred informazzjoni li mhix vera.
Is-sid qed jgħid li kien hemm komunikat dirett mal-Għaqda, u li dawn kienu infurmati bl-avveniment privat li ser isir f’lok viċin ferm tal-għelieqi minn fejn l-Għaqda taħraq in-nar minn xhur qabel.
//= $special ?>