Internazzjonali

L-Iran: Jingħata l-piena kapitali wara li nħataf mill-aġenti ta’ Tehran

Raġel Iranjan ta’ nisel Żvediż ingħata l-piena kapitali fl-Iran wara li kien akkużat bħala l-moħħ wara attakk qattiel li seħħ fl-2018 waqt parata militari.

L-ikkundannat, Habib Chaab, kien il-fundatur ta’ grupp separatista li qed jinsisti għall-indipendenza tal-etniċi Arab fil-provinċja Iranjana ta’  Khuzestan. Chaab kien dam għaxar snin jgħix f’eżilju fl-Iżvezja qabel spiċċa maħtuf mill-aġenti sigrieti Iranjani waqt żjara li kien qed jagħmel fit-Turkija fl-2020.

Il-Gvern tal-Iżvezja, fl-aħħar xhur, talab diversi drabi biex l-Iran ma twettaqx il-piena kapitali fil-konfront ta’ Chaab — b’dikjarazzjoni li l-Iżvezja u l-Istati kollha tal-Unjoni Ewropea jikkundannaw l-applikazzjoni tal-piena bħala waħda inumana u rriversibbli.

Il-Ġudikatura tal-Iran, iżda, sabet lil Chaab ħati bħala l-Kap tal-grupp b-isem Harakat al-Nidal li qed jiġġieled għal-liberazzjoni tal-entiċi-Arab fiz-zoni Iranjani tal-lbiċ u li l-Gvern Iżlamiku f’Tehran jirreferi għalih bħala entità terrorstika.

Fl-Iran qed tgħix minoranza sinifikanti ta’ Għarab li ilhom jilmentaw dwar diskriminazzjoni fil-konfront tagħhom u dwar politika intiża biex huma jibqgġu komunità marġinalizzata,. Dan waqt li l-Gvern Iranjan kompla jiċħad li qed jiddiskrimina ma’ dan il-poplu etniku.