L-Ukrajna akkużat lir-Russja dwar numru ta’ attakki bil-bombi tal-fosfru fuq Bakhmut…Il-belt lejn il-lvant li l-Ukreni ilhom ix-xhur jiddefenduha kontra l-offensiva mill-qawwiet tal-Kremlin.
Il-militar Ukren irnexxielu jiġbor il-filmati mid-drones fejn allegatament qed tidher xita ta’ fosfru abjad nieżel fuq il-belt partikulari. L-armamenti bażati fuq il-fosfru mhumiex ipprojbiti mir-regoli tal-konflitt iżda l-użu tagħhom fuq iz-zoni taċ-ċivili huma kunsidrati bħala reat tal-gwerra.
Il-bombi tal-fosfru joħolqu n-nirien li jinfirxu malajr u li diffiċli ħafna biex ikunu kontrollati. Dan meta r-Russja kemm-il darba kienet akkużata bl-użu tagħhom fil-passat u speċjalment waqt l-invażjoni tal-Ukrajna.
Il-qawwiet Russi ilhom ix-xhur jippruvaw jaħtfu l-belt ta’ Bakhmut, bis-sorsi fil-Punent jikkalkulaw li mietu l-eluf kbar tat-truppi tal-Kremlin waqt l-assalt.
Qed jidher intant li l-bombi tal-fosfru fil-parti kbira niżlu fuq iz-zoni ta’ Bakhmut li mhumiex okkupati min-nies u bil-kelliema jsostnu li r-Russi mhuma qed iħallu xejn lura biex jeqirdu din il-belt li saret simbolu ewlieni tar-reżistenza Ukrena.
Il-filmati ċirkulati mill-Ukrajna juru wkoll id-diversi blokok tal-bini għoljin bil-fjammi telgħin madwarhom, u bl-osservaturi indipendenti jfakkru li l-armi tal-fosfru kienu spikkaw partikularment waqt l-assedju ta’ xhur ilu mir-Russi fuq Mariupol.
Ir-Russja qatt ma ammettiet pubblikament dwar l-użu tal-armi tal-fosfru u meta l-Kelliem Ewlieni tal-Kremlin, Dmitry Peskov,wieġeb għall-akkużi tal-Ukrajna bl-insistenza li r-Russja dejjem irrispettat ir-regoli tal-gwerra u li ma abbużat qatt il-konvenzjonijiet internazzjonali.
//= $special ?>