Lokali

Ministri li “ma jimpurtahomx mill-interess nazzjonali” – Jason Micallef

Tkompli tidher evidenti l-qasma li hemm fil-Gvern ta’ Robert Abela

Il-Gvern ta’ Abela jinsab maħkum minn dik li tissejjaħ letarġija. Hemm Ministri li mhux ilaħqu mal-istandards mistenni minnhom. U hemm oħrajn li lanqas jinteressahom l-interess nazzjonali.

Sostna dan fuq il-midja soċjali l-eks Segretarju Ġenerali tal-Labour u eks Chairperson tal-midja Laburista Jason Micallef fejn insista – iswed fuq l-abjad –  li hemm individwi b’nuqqas ministerjali li qed itappnu l-Gvern.

Huwa attakka bla rażan lil ċertu Ministri Laburisti fejn qal li mhux biss mhux jilħqu mal-istandards mistennija imma saħansitra qed jiddiżappuntaw bin-nuqqas ta’ riżultati, xogħol u mentalità deskritta minnu bħala waħda parrokkjali.

Jason Micallef saħaq li qed jgħid dan mill-esperjenza u bil-provi, u insista li jeżistu dawk fosthom li ma jimpurtahomx la mill-Gvern u wisq inqas mill-interess nazzjonali. Iżda jimpurtahom biss li fl-elezzjoni ġenerali jerġgħu jiġu eletti…akkost ta’ kollox.

Minkejja li ma semmiex ismijiet, huwa temm jgħid li jaf x’inhu jgħid u għal min qed jgħid.

Diskors li ċertament ma jagħmel ebda ġieħ la għal Partit Laburista u wisq inqas għat-tmexxija ta’ Robert Abela fejn il-qasma fit-tim tiegħu qed tkun waħda evidenti.

Wara 10 snin fis-siġġu tal-poter, il-poplu qiegħed jistenna risposta konkreta anke fid-dawl tal-għoli tal-ħajja….iżda fi kliem Jason Micallef stess – pajjiżna għandu tmexxija letarġika…b’Ministri li mhux ilaħqu mal-istandards.