Iż-żewġt aħwa li ġew kundannati 40 sena ħabs wara li ammettew li qatlu lil Daphne Caruana Galizia ħabbru l-intenzjoni tagħhom li jimplikaw figuri politiċi prominenti, uffiċjali tal-pulizija ta’ grad għoli, kif ukoll lis-Servizzi tas-Sigurtà ta’ Malta, fl-assassinju ta’ din il-ġurnalista.
Huma beħsiebhom jimplikawhom ukoll f’reati serji oħra, li dwarhom iridu jixhdu wkoll.
Dawn l-akkużi serji, u s’issa mhux sostanzjati, saru f’dokument mibgħut lill-media, u ffirmat mill-aħwa George u Alfred Degiorgio.
F’dan id-dokument ta’ tliet paġni l-aħwa jgħidu li t-talbiet tagħhom kienu diġà tressqu għall-attenzjoni tal-Prim Ministru u tal-Kummissarju tal-Pulizija kif ukoll ta’ uffiċjali oħra tal-pulizija fi grad għoli. Iżda skont l-aħwa Degiorgio, qatt ma ttieħdet azzjoni.
Dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, l-aħwa Degiorgio qed jallegaw illi jafu b’mod dirett li l-verità kienet differenti minn dik li kienet “impinġija u pproġettata mill-uffiċjali tal-pulizija u l-politiċi”. Allegaw ukoll ILli kien hemm sforz miftiehem biex jgħatti l-kriminali vera “li kkummissjonaw dawn ir-reati.”

“Nistgħu nixhdu dwar l-involviment ta’ diversi persuni, fosthom l-eks ministru Chris Cardona u Keith Schembri. Nistgħu nixhdu dwar l-involviment tal-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar u s-Servizzi Sigrieti,” tgħid din id-dikjarazzjoni.
L-aħwa jagħmlu wkoll allegazzjoni li qatt ma smajna qabel, dik li qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2017, l-aġenti tal-MSS kienu ilhom isegwu lil Caruana Galizia u jirrappurtaw dwar il-movimenti tagħha. Għalkemm rondi viċin darha ma kienux isiru.
“Il-pulizija ngħataw struzzjonijiet biex ma jgħaddux miz-zona fejn kienet tgħix Caruana Galizia. Nistgħu nikkonfermaw dan aħna stess.”
Il-għotja ta’ €1 miljun għal informazzjoni li ġiet offruta mill-Gvern immedjatament wara l-qtil kienet “logħba maħsuba biex tagħmel lill-persuni attwalment involuti jidhru qishom verġni.” “Imma nagħmluha ċara li l-persuna mwiegħda u mogħtija maħfra qed idawwar il-fatti u nemmnu li qed jgħid dak li qed jiddettalu xi ħadd ieħor”, tgħid l-istqarrija.
Alfred u George Degiorgio jallegaw li diġà taw lill-pulizija informazzjoni dwar is-serq tal-HSBC tal-2010, u hold-up ieħor fuq vann ta’ flus kontanti f’Santa Venera, fejn jallegaw li l-Membri Parlamentari (u eks Ministri) Laburisti ta’ dak iż-żmien Chris Cardona u Carmelo Abela kienu involuti.
Dawk l-allegazzjonijiet mhumiex ġodda, iżda l-aħwa issa qed jallegaw l-involviment ta’ uffiċjal tal-pulizija li dak iż-żmien kien fl-iSpecial Assignment Group u li issa kien jagħmel parti mir-Rapid Intervention Unit. L-aħwa Degiorgio jgħidu li diġà provdew informazzjoni dwar tliet bombi mhux solvuti li seħħew bejn l-2013 u l-2017, iżda ma ttieħdet l-ebda azzjoni oħra. “L-awtoritajiet ma jridux li jiġu solvuti,” tgħid l-istqarrija.
“Qed insemmu dawn il-każijiet fost l-oħrajn għax diġà tajna informazzjoni dwarhom lill-awtoritajiet, iżda evidentement m’hemm l-ebda interess li din l-informazzjoni toħroġ fil-beraħ. Minbarra dawn, għandna u nafu b’każijiet oħra serji ħafna li, għalissa, ma rridux niżvelaw.”
L-aħwa qalu wkoll li issa kienu qed joħorġu fil-pubbliku “biex kulħadd ikun infurmat bil-verità dwar ċerti reati li ġraw u li l-verità dwarhom qed titgħawweġ sabiex jiġu protetti ċerti persuni prominenti.” “Qegħdin niġu mpinġija bħala l-mostri tas-soċjetà, iżda mingħajr ma nneħħu xejn mill-gravità ta’ dawn ir-reati, irridu nagħmluha ċara li aħna wkoll vittmi ta’ dawn l-istess figuri prominenti fis-soċjetà Maltija.”
L-istqarrija tispiċċa b’talba lill-President tar-Repubblika biex jintervjeni “ħalli n-nies li inti tirrappreżenta jkunu jafu l-verità għax qed jiġu mqarrqa minn dawk li għandhom influwenza fuqhom u minn ċerti individwi li barra minn hekk qed jipproġettaw lilhom infushom bħala verġni filwaqt li fil-verità jkunu posseduti b’mod demoniku.”
L-aħwa Degiorgio għandhom jirrappreżentawhom lill-Avukati Noel Bianco u Leslie Cuschieri.