Futbol Sport

Premier League Ingliż: Manchester City ikabbru l-vantaġġ f’ras il-klassifika

(Ritratt: EPA)

Manchester City fetħu vantaġġ ta’ erba’ punti fil-quċċata tal-Premier League meta huma issa lagħbu l-istess logħob bħat-tim li jinsab fit-tieni post, Arsenal, hekk kif li fadal l-aħħar erba’ konfronti għat-tmiem tal-kampjonat.

Iċ-Champions kurrenti għamlu pass ieħor sabiex ikomplu jiddefendu t-titlu tagħhom b’rebħa missielta ta’ 2-1, fuq Leeds United, li minkejja t-telfa, urew titjib notevoli fuq l-aħħar ħarġiet tagħhom u meta fit-tmun, għall-ewwel darba, kellhom il-manager veteran Sam Allardyce li ħa post l-imkeċċi Javi Gracia. City fetħu vantaġġ wara 19-il minuta logħob permezz ta’ Ilkay Guendogan , bil-midfielder Ġermaniż jikseb id-doppjetta personali tiegħu fis-27 minuta sabiex jirdoppja l-iskor għas-Citizens biex b’hekk it-tim ta’ Pep Guardiola jidher dominanti għal kollox tul l-ewwel 45 minuta.

Fit-tieni taqsima, is-Citizens baqgħu kumpatti iżda ma rnexxilhomx jiksbu gowl ieħor, b’Leeds iwettqu reazzjoni qalbiena u b’Erling Haaland ifalli penalty għal City wara l-foul ta’ Struijk fuq Phil Foden. Ftit wara kienu Leeds li reġgħu daħlu fil-logħba b’gowl sorprendenti ta’ Rodrigo fil-85 minuta, madankollu dan ma kienx biżżejjed sabiex idawwar ir-riżultat tal-partita, biex b’hekk Manchester City jiksbu l-għaxar rebħa infila tagħhom.

Dan ukoll meta Man City qed jittamaw dejjem aktar li jirrepetu s-suċċess ta’ Manchester United b’possibilta’ li jkunu t-tieni tim fl-istorja tal-futbol Ingliż li jirbaħ t-treble storiku.

Wolves ħelsu minn kull inkwiet ta’ relegation b’rebħa minima, ta’1-0, fuq Aston Villa f’Molineux Stadium.

Il-gowl tar-rebħa wasal kmieni fl-ewwel taqsima mid-difensur Portugiż Toti Gomes u bit-tim mill-Black Country issa jitla fit-13-il post tal-klassifika b’40 punt. Il-gowl wasal fl-10 minuta meta Gomes għola fuq kulħadd u indirizza bir-ras lejn il-lasta, bil-ballun jaħbat mal-mimduda qabel spiċċa fix-xibka ta’ Emiliano Martinez. Villa minn dak il-ħin iddominaw il-pussess u waslu qrib id-draw diversi drabi bit-tentattivi ta’ Emiliano Buendia, Ollie Watkins u Ashley Young, b’Wolves jagħżlu tattika prudenti għal ħafna ħinijiet.

Il-Villains baqgħu jinsistu u fl-aħħar ħinijiet żiedu l-pressjoni fuq il-lasta ta’ Jose, Sa iżda d-difiża ta’ Wolves baqgħet soda u bil-plejers ta’ Julen Lopetegui jiċċelebraw bil-kbir il-konferma ta’ staġun ieħor fl-Ogħla Diviżjoni.

Chelsea kisbu l-ewwel rebħa fil-league taħt il-gwida ta’ Frank Lampard u wara li huma kienu tilfu l-erba’ logħbiet li lagħbu mindu l-eks-plejer u manager irritorna fit-tmun tat-tim ix-xahar li għadda.

Il-Blues kisbu l-vantaġġ mid-daqqa ta’ ras ta’ Conor Gallagher wara 9 minuti logħob, iżda Bournemouth għamluhom 1-1 wara ġmiel ta’ azzjoni, konkluża bix-xutt preċiż ta’ Matias Vina fil-21 minnuta. Chelsea ħarġu aħjar fit-tieni taqsima u huma żiedu l-iskor meritatament minn Benoit Badiashile fit-82 minuta u bis-sostitut Joao Felix jagħmel l-iskor finali 3-1 ħames minuti mit-tmiem. Ir-riżultat ifisser li Bournemouth għadhom fil-periklu li jinżlu fit-tieni diviżjoni tal-futbol Ingliż meta fadlilhom biss tliet logħbiet għat-tmiem tal-kampjonat.

Tottenham kisbu rebħa diffiċli, 1-0, fuq Crystal Palace f’The New White Hart Lane, bil-gowl rebbieħ jasal sekondi qabel il-mistrieħ mill-prolifiku Harry Kane li konkluda bir-ras fuq il-kross perfett ta’ Pedro Porro. B’hekk Kane sar it-tieni l-aqwa skorer fl-istorja tal-Premier League Ingliż b’209 gowls u fejn hu, issa, għadda lill-eks-attakkant ta’ Manchester United u Everton, Wayne Rooney. Ir-rebħa kienet anki l-ewwel waħda għal Spurs kemm ilu Ryan Mason ħa t-tmexxija proviżorja tat-tim u issa huma qabżu lil Brighton fis-sitt post, għalkemm is-Seagulls ( li għada huma impenjati ma’ Everton) lagħbu tliet logħbiet anqas minn Tottenham. It-telfa għal Palace tfisser ukoll li l-Eagles ħarġu minn konfront tal-league b’idejhom vojta għat-tieni darba biss fis-seba’ logħbiet li ilhom taħt il-gwida tal-manager veteran Roy Hodgson.

Liverpool jinsabu punt wieħed biss taħt l-ewwel erbgħa wara rebħa minima 1-0, fuq Brentford f’Anfield Road. B’din ir-rebħa, ir-Reds jinsabu b’62 punt, punt anqas minn Manchester United li jinsabu fir-raba’ post hekk kif lagħbu żewġ logħbiet anqas u li għada huma impenjati ma’ West Ham Utd fil-London Stadium. Il-gowl importanti għal Liverpool wasal minn Mohammed Salah wara 13-il minuta logħob hekk sab ix-xibka ta’ Raya kważi minn fuq il-linja wara li daħal għall-assist bir-ras ta’ Virgil van Dijk. B’dan il-gowl l-attakkant Eġizzjan sar l-ewwel plejer fl-istorja ta’ Liverpool FC li skorja f’disa’ konfronti konsekuttivi f’Anfield fil-kompetizzjonijiet kollha. Fl-istess ħin dan ukoll il-100 gowl ta’ Salah għar-Reds quddiem il-pubbliku tagħhom,