Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili preseduta mill-Imħallef Grazio Merceica ordnat li medda art fil-Balluta ta’ 800 metru kwadru tingħata lura lill-Knisja li fuqha kien propost li jinbena parkeġġ għall-karozzi. Il-Qorti laqgħet it-talba tal-Arċisqof Charles J. Scicluna rappreżentat mill-Amministratur tal-Entijiet Ekkleżjastiċi u sabet li l-iskrittura privata li biha ngħatat il-konċessjoni fl-2011 mill-Ordni tal-Karmelitani lil John Cilia kienet tmur kontra l-kuntratt oriġinali li biha l-art ngħatat b’donazzjoni fl-1890.
Fid-deċiżjoni tagħha l-Qorti qalet li l-kuntratt kien jistipula li l-art fi Triq it-Torri għandha tintuża biss għal skopijiet reliġjużi. Il-Knisja kienet fetħet il-kawża kontra l-Ordni Karmelitana fl-2015 wara li l-iżviluppatur, John Cilia, ingħata permess għal parkeġġ tal-karozzi taħt l-art tal-kunvent.
Irriżulta li Fr Alexander Vella u Fr Charles Mallia daħlu fi ftehim privat ma’ Cilia fl-2011 li fih taw l-art tal-kunvent bħala konċessjoni għal 50 sena għal skopijiet kummerċjali. L-art tinsab wara l-kunvent Karmelitan u li hija skedata bħala bini protett fi Grad 2 u tinsab ukoll wara l-knisja parrokkjali ddedikata lill-Madonna tal-Karmnu, skedata bħala Grad 1.
Cilia l-ewwel ippropona żvilupp kummerċjali li kellu jinkludi numru ta’ ħwienet u uffiċċji fl-ewwel sular u parkeġġ għall-karozzi taħt l-art bi spazju għal 84 karozza. Din il-proposta kontroversjali kienet rifjutata mill-Awtorità tal-Ippjanar. Cilia kien applika mill-ġdid fuq l-istess sit li kienet tipproponi parkeġġ għall-karozzi mifrux fuq numru ta’ livelli li jilqa’ fih 115-il karozza.
Il-pjan kien jinkludi wkoll ir-rilokazzjoni tal-istatwa tal-Madonna li hemm fil-ġnien u t-tneħħija ta’ 11-il siġra taż-żebbuġ u żewġ siġar tal-palm. Il-pjan kien jindika li s-saqaf tal-parkeġġ tal-karozzi kellu jinbidel fi ġnien. Mill-provi fil-Qorti rriżulta li l-art kienet ingħatat bħala donazzjoni lill-Ordni tal-Karmelitani fi Frar tal-1890 bil-kundizzjoni li ma tinbigħx lil terzi persuni mingħajr il-kunsens tal-kofraternità Veneranda Solidalità della Beata Vergine Del Carmelo della Vallettà.
Il-kuntratt kien jinkludi wkoll kundizzjoni li, jekk il-knisja u l-art ma jibqgħux jintużaw, dawn kellhom jgħaddu lura f’idejn is-sid oriġinali. L-amministratur tal-entitajiet ekkleżjastiċi li deher f’isem l-Arċisqof qal li l-ftehim privat li sar fl-2011 kien imur kontra l-kuntratt oriġinali tad-donazzjoni.
Fid-deċiżjoni tagħha l-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili qalet li ma kienx hemm dubju li Cilia ingħata l-konċessjoni u li kien ingħata d-dritt li jgħaddi dan it-titlu lil terzi persuni. Madankollu, il-kuntratt oriġinali li sar fl-1890 ma kienx jippermetti t-trasferiment tal-art u rabat lis-sidien sabiex jużaw l-art għal skopijiet reliġjużi biss. Il-Qorti għalhekk ddikkjarat il-konċessjoni bħala nulla minħabba li ma saritx għal skopijiet reliġjuzi u saret bi ksur tal-kuntratt tad-donazzjoni tal-art. Cilia kien ordnat li jħalli l-art fi żmien xahar.
//= $special ?>