Lokali Qorti

Raġel salvat wara li waqa’ bil-karozza fil-port tal-Imġarr

Raġel mix-Xagħra, Għawdex ġie salvat mill-Forzi Armati ta’ Malta wara li waqa’ bil-karozza fil-baħar. L-inċident seħħ tard il-bieraħ filgħaxija (il-Ġimgħa) fil-port tal-Imġarr Għawdex mal-moll fejn jorbot il-vapur tal-Gozo Channel.  

Minbarra l-membri tal-Forzi Armati fuq il-post marru numru ta’ Pulizija u ħaddiema mid- Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Tim mediku mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex ta l-ewwel għajnuna fuq il-post lir-raġel li sofra minn xokk qawwi. Huwa ttieħed l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għal iktar kura. Għal xi ħinijiet il-vapur beda jgħabbi il-passiġġieri u vetturi minn karreġġjata waħda. Il-kundizzjoni tar-raġel għadha mhux magħrufa.