Internazzjonali

“Jien minix hawn biex inkun servut iżda biex inservi” – Ir-Re Charles it-Tielet

“Jien minix hawn biex ikun servut iżda biex inservi”, kienet l-ewwel dikjarazzjoni tar-Re Charles it-Tielet tal-Ingilterra li ftit tal-ħin ilu kien inkurunat Kap tal-Monarkija Britannika waqt ċerimonja sollenni li saret f’Westminster Abbey, f’Londra.

Dan wara stennija ta’ xhur fejn ir-Re Charles xorta waħda kien qed jaqdi l-funzjonijiet pubbliċi tiegħu f’dan ir-rwol u bħala s-suċċessur tar-Reġina Eliżabetta t-Tieni li mietet f’Settembru tas-sena li għaddiet.

Ir-Re Charles it-Tielet, fl-età ta’ 73 sena, sar l-aktar Kap tal-monarkija anzjan fl-istorja tar-Renju Unit u se jibqa’ ukoll imniżżel fl-istorja bħala l-aktar Prinċep li dam bħala eredi għat-tron (heir apparent) u fejn għamel ukoll perjodu rekord bħala l-Prinċep ta’ Wales.

Ir-Re Charles it-Tielet, aktar kmieni filgħodu,  twassal minn Buckingham Palace lejn Westminster Abbey akkumpanjat minn korteo u l-membri tal-Kavallerija – jew Household Cavalry, u fost l-applawż mill-folol kbar man-naħat tar-rotta li għaddiet minnha l-korteo.

Iċ-ċerimonja tal-inkurunazzjoni, li bdiet f’nofsinar (ħin ta’ Malta), tmexxiet mill-Arċisqof ta’ Canterbury Justin Welby fil-preżenza tal-membri l-oħra tal-Familja Rjali – fosthom il-Prinċpijiet William u Harry u d-distini minn madwar id-dinja li kienu jinkludu Kapijiet tal-Istat, politiċi, Rappreżentanti tal-Commonwealth u oħrajn.

Ir-Re Charles u martu, ir-Reġina Camilla, daħlu f’Westminster Abbey fost il-fanfarra ċerimonjali u fejn l-Arċisqof Welby mexxa ċ-ċerimonja bażata fuq liturġija b’għeruq fit-tradizzjoni l-antika sinonima ma’ dawn iċ-ċelebrazzjonijiet.

Dan wara li r-Re Charles u Camilla ħadu posthom quddiem l-altar ta’ Westminster – f’post magħruf bħala l-Coronation Theatre, fejn il-Kap ġdid tal-Monarkija kien preżentat lill-Kongregazzjoni fost ripetizzjoni tar-ritwali ċerimonjali għall-konferma tar-Re ġdid tar-Renju Unit.

L-Arċisqof introduċa ċ-ċerimonja fejn ir-Re Charles kien proklamat bħala ‘ir-Re indiskutibbli’ tar-Renju Unit quddiem il-kongregazzjoni li esprimiet l-omaġġ tagħha bl-għajta ‘God Save the King’.

Ir-Re Charles, imbagħad, ħa l-ġurament biex jaqdi r-rwol tiegħu fedelment u b’dedikazzjoni assoluta lill-poplu fejn ikkonferma li, bħala Kap tal-Monarkija, se jirrispetta dejjem il-liġi u l-awtorità tal-Knisja Anglikana.

Dan wara li l-Arċisqof Welby irrikonoxxa d-diversi denominazzjonijiet ta’ fidi osservati fir-Renju Unit bid-dikjarazzjoni li l-Knisja Anglikana ‘se tinsisti għat-tkattir ta’ ambjent fejn in-nies kollha jistgħu jipprattikaw it-twemmin tagħhom b’mod ħieles’.

Ir-Re Charles, imbagħad – u wara li ħa l-hekk-imsejjaħ Coronation Oath ( rikjest bil-liġi) – iddikjara lilu nnifsu bħala ‘Protestant fidil lejn dan it-twemmin’ waqt tieni ġurament magħruf bħala l-Accession Declaration Oath.

Waqt iċ-ċerimonja, ir-Re Charles kien bilqiegħda għal żmien fis-St Edward’s Chair,  magħruf bħala l-Coronation Chair li għandu ‘il fuq minn 700 sena u li kien inbena min-nies tas-snajja fl-Italja matul is-seklu tlettax. Hemmhekk hu irċieva r-regalia dovuta bħala l-Kap tal-Monarkija fosthom ix-xettri u qabel tpoġġiet fuq rasu l-Kuruna ta’ St Edward’s.

Iċ-ċerimonja tal-inkoronazzjoni sollenni ntemmet bir-Re iqum mis-siġġu u jpoġġi fuq it-Tron, fejn radd ġieħ lil missieru, il-Prinċep Philip ( eks Duka ta’ Edinburgh) u lill-membri tal-Kongregazzjoni – li min-naħa  tagħhom ħalfu lealtà assoluta lill-Kap tal-Monarkija.