It-taqtigħa għall-ewwel erbgħa postijiet fil-klassifika tas-Serie A qed tilħaq il-qofol tagħha hekk kif iż-żewġ timijiet minn Milan għelbu lit-timijiet minn Ruma biż-żewġ partit jispiċċaw bir-riżultat ta’ 2-0. Il-pressjoni tkompli tikber fuq Juventus li se jilgħabu għada kontra Atalanta, avversarju ieħor li jinsab fil-ġlieda għal-post mal-ewwel erbgħa. Atalanta bħalissa jinsabu fis-6 post b’58 punt. Juventus lagħbu 33 logħba u jinsabu fit-tielet post b’63 punt, bl-istess punti bħal Inter u b’żewġ punti iktar minn Milan fil-ħames post li lagħbu partita iżjed minn Juventus, filwaqt li Lazio fit-tieni post b’64 punt wara 34 logħba. F’taqtigħa oħra din id-darba fil-parti t’isfel tal-klassifika, Cremonese kisbu tlett punti li jafu jkunu kruċjali sabiex jevitaw ir-relegazzjoni kontra Spezia b’rebħa missielta ta’ 2-0. Spezia jinsabu fit-18-il post b’27 punt, waqt li Cremonese jinsabu post taħthom b’24 punt.
Milan v Lazio 2-0
Milan irritornaw għar-rebħ b’rebħa kruċjali għall-kwalifikazzjoni għall-UEFA Champions League kontra t-tim li jinsab fit-tieni post fil-klassifika, Lazio, b’żewġ gowls fl-ewwel taqsima jagħtu r-rebħa lil Rossoneri.
Fis-17-il minuta Ismael Bennacer fetaħ l-iskor minn żball tad-difiża ta’ Lazio meta tilfu l-pussess wara pressjoni intensiva minn Bennacer li rebaħ il-ballun u kkonkluda tajjeb fix-xibka bix-xellug.
Milan irduppjaw l-iskor ftit qabel in-nofsija logħob b’din id-darba Theo Hernandez ikun l-awtur tal-gowl b’azzjoni individwali minn kaxxa sa kaxxa minn suġġeriment ta’ Maignan u bix-xutt tiegħu jaħbat mal-minduda u jitħol ġewwa.
B’żewġ gowls fl-ewwel taqsima l-Rossoneri ssiġilaw ir-rebħa kontra Lazio u jeqirbu iżjed viċin għal post mal-ewwel erbgħa fil-klassifika.
Roma v Inter 0-2
Inter komplew il-forma tajba tagħhom fil-kampjonat b’rebħa meritata kontra Roma bl-iskor finali jkun ta’ 2-0.
Federico Dimarco fetaħ l-iskor wara 33 minuta logħob minn kross ta’ Dumfries. Id-difensur laterali sab ix-xibka b’xutt angolat minn pożizzjoni skomda minn fuq ix-xellug.
Il-gowl ta’ Dimarco kien l-unika gowl fl-ewwel taqsima, bil-Giallirossi jkomplu l-pressjoni tagħhom fuq id-difiża ta’ Inter, madankollu d-difiża Nerazzura tirreżisti tajjeb.
Romelu Lukaku kien l-awtur tat-tieni gowl li ssiġilla r-rebħa għal Inter minn suġġeriment ta’ Lautaro Martinez li sab lil-attakkant Belġjan li b’preċiżjoni għeleb lil Rui Patricio.
Cremonese v Spezia 2-0
Fl-aħħar partita tal-ġurnata, Cremonese rebħu l-konfront missielet tagħhom kontra Spezia b’gowl f’kull taqsima.
L-ewwel gowl wasal minn Daniel Ciofani li ħasad lill-avversarji b’konklużjoni preċiża minn żball tad-difensur ċentrali Ampadu.
Cremonese għalqu l-partita fis-77 minuta permezz tad-difensur Messikan Johan Vazquez li sab ix-xibka permezz ta’ daqqa ta’ ras.
Riżultati:
Illum: Milan v Lazio 2-0, Roma v Inter 0-2, Cremonese v Spezia 2-0
Logħob li jmiss:
Għada: Atalanta v Juventus 12:30pm, Torino v Monza 3:00pm, Napoli v Fiorentina 6:00pm, Lecce v H.Verona 8:45pm
It-Tnejn: Empoli v Salernitana 6:30pm, Udinese v Sampdoria 6:30pm, Sassuolo v Bologna 8:45pm