Rafael Nadal irtira mill-Open ta’ Ruma hekk kif qed jipprova jirkupra minn injury fil-ħin, għar-Roland Garros. Nadal li għandu 36 sena ilu ma jikkompeti sa minn Jannar li għadda minħabba injury f’ġenbu, bl-Ispanjol jisħaq li jrid aktar ħin biex jitħarreġ qabel ma jirritorna għall-kompetizzjoni. Nadal qed jispera li jilgħab fl-Open ta’ Geneva jew Lyon, bi preparazzjoni għal Grand Slam tar-Roland Garros, bl-Ispanjol jirbaħ dan il-Grand Slam għal rekord ta’ 14-il darba. Permezz ta’ post fuq il-media soċjali, ir-rebbieħ tat-22 Grand Slam qal li minkejja li għamel progress fir-rijabilitazzjoni tiegħu, xorta waħda għadu mhux preparat biex jikkompeti. L-Open ta’ Franza jibda fit-28 ta’ Mejju, f’Pariġi.
Intant, il-Brittaniku Andy Murray għadda għas-semi finali tal-Aix en Provence bi preparazzjoni għall-Open ta’ Franza. It-tennist ta’ 35 sena għeleb liż-żagħżugħ Luca van Assche 6-2 7-6 (8-6) biex għamilha għas-semi finali. Min-naħa l-oħra in-numru wieħed Brittanika tan-nisa Emma Raducanu ħabbret li se tkun barra mill-azzjoni għax-xhur li ġejjin minħabba operazzjonijiet f’idejha u fl-għaksa.
It-tennista ta’ 20 sena se tkun qed titlef kemm ir-Roland Garros kif ukoll il-Grand Slam ta’ Wimbledon, fejn se tkun qed taspira li tirritorna fil-ħin għall-Open ta’ New York, liema Grand Slam kienet rebħitu fl-2021.