Lokali

Tkompli tiżdied il-pressjoni fuq l-impjegati fis-settur tas-saħħa

Tkompli tiżdied il-kriżi fis-settur tas-saħħa – hekk kif filwaqt li l-popolazzjoni qed tkompli tiżdied, hekk ukoll in-numru ta’ pazjenti fl-isptarijiet tagħna.

Iżda filwaqt li suppost kellna dak li kien imwiegħed minn Gvern ta’ Robert Abela tlett sptarijiet li jiffunzjonaw flimkien mal-Isptar Mater Dei….pajjiżna spiċċa bl-Isptar San Luqa abbandunat kawża tad-deals frawdolenti li l-Gvern daħal għalihom. Konsegwenza ta’ dan kollu l-load qawwija kollha kemm hi qed taqa’ fuq l-infermieri u t-tobba li mhux biss qed jiġu eżawriti fiżikament iżda anke mentalment.

Waqt podcast immexxi minn Jon Mallia, it-tabiba Nicole Borg mill-Mental Health of Medics fejn spjegat li minkejja li skont id-direttivi Ewropej li impjegat full time ma jistax jaħdem aktar minn 48 siegħa fil-ġimgħa – fl-Isptar din id-direttiva mhix osservata. Tant hu hekk li t-tobba għandhom jiffirmaw ftehim qabel jibdew jaħdmu….fejn jaqblu li jaħdmu aktar sigħat….saħansitra sa 60 siegħa xogħol.

Borg saħqet li workloads qawwija bħal dawn issa huma mdorrijin u parti mill-kultura fis-settur tas-saħħa f’pajjiżna u min mhux lest jaħdem dawn is-sigħat twal jitwarrab u ma jkunx ikkunsidrat bħala team player.

Hija saħqet li inevitabbilment dawn is-sigħat kollha jwasslu għal sitwazzjoni mentali xejn pjaċevoli għat-tobba …bi stress, ansjetà u burnout qawwija.

Ġie spjegat ukoll li minkejja li hemm dipartiment tar-riżorsi umani, HR, fi ħdan l-Isptar Mater Dei …huma t-tobba li jkollhom isibu sostitut tagħhom jekk jiddeċiedu li jieħdu ġurnata leave; jew saħansitra agħar minn hekk, sick leave.

Hi preċiżat tgħid li hawn min jispiċċa jitlef is-sigħat tal-leave intitolati bil-liġi – fejn ġabet eżempju biha nnifsiha u qalet li s-sena l-oħra tilfet xejn inqas minn mitt siegħa leave.

Għaldaqstant Nicole Borg insistiet li għal dan l-istress, u xogħol qawwi jum wara l-ieħor…mhux biss qed isofru t-tobba  fejn huma kostantament mqiegħda f’kundizzjonijiet tal-biża’ mingħajr fost oħrajn ikel xieraq u mistrieħ …iżda anke l-pazjenti hekk kif dan kollu jaf iwassal għal żbalji.