Lokali

KAŻ JEAN PAUL SOFIA: “Il-Gvern għandu jaħtar Inkjesta Pubblika” – Jerome Caruana Cilia

“Ejja ningħaqdu flimkien bħala poplu wieħed favur is-sejħa biex tinħatar Inkjesta Pubblika. Għax din hi kwistjoni li tmur lil hinn mill-partiġġjaniżmu politiku, ħafna qed jingħaqdu favur is-sejħa biex tinħatar Inkjesta Pubblika”

Il-kwistjoni dwar il-qtil ta’ Jean Paul Sofia u l-karta ta’ ommu Isabelle Bonnici li trid li tinħatar Inkjesta Pubblika biex tistabbilixxi l-verità kollha dwar dak kollu marbut ma’ dan il-każ – xi ħaġa li Robert Abela qed ikompli jwebbes qalbu milli jagħmel – qed tkompli tkun waħda attwali.

Proprju dwar din il-kwistjoni tant delikata fil-jiem li għaddew tkellimt ma’ Jerome Caruana Cilia, id-Deputat Nazzjonalista li hu l-Kelliem dwar il-Finanzi, u li kien minn tal-ewwel li daħal fil-każ. Bdejt billi staqsejtu imma x’ġara eżatt f’Diċembru tas-sena l-oħra, u Jerome Caruana Cilia fisser li issa għaddew iktar minn ħames xhur mit-traġedja li seħħet nhar it-3 ta’ Diċembru u għadna ma smajna xejn minn min hu fl-awtorità ħlief kliem fieragħ. Nhar is-Sibt 3 ta’ Diċembru 2022, Jean Paul Sofia, li kellu għoxrin sena, tilef ħajtu meta nqabad taħt it-tifrik tal-binja li ġġarfet f’Kordin. Il-katavru tiegħu nħareġ mill-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili kmieni l-għada, l-Ħadd filgħodu, wara ħidma ta’ salvataġġ illi damet ’il fuq minn ħmistax-il siegħa. Jean Paul safa maqtul, ħabta u sabta. Instab mejjet taħt it-terrapien. Kien irrappurtat li Jean Paul kien ilu biss seba’ minuti fuq ġewwa tas-sit ta’ kostruzzjoni. Issa, wara li għaddew ħames xhur, sal-lum għadu mhux ċar għalfejn kien qiegħed hemm. Kien proprju f’dan il-mument meta l-bini ġġarraf f’temp ta’ żewġ sekondi. Biż-żagħżugħ jinqabad taħt tliet sulari ta’ terrapin u materjal tal-kostruzzjoni. Jean Paul Sofia safa vittma tal- kilba u l-gula.

“Qas ħadd ma jista’ jimmaġina d-dulur li għaddejjin minnu ommu u missieru u l-qraba ta’ Jean Paul Sofia. Ara x’dulur għaddejja minnu dik l-omm. Ħadd u xejn ma jista’ jsabbarha. Qatlulha lil binha f’radda ta’ salib,” qal id-Deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia Mistoqsi għaliex kien minn tal-ewwel li saħaq favur it-talba ta’ Isabelle Bonnici għal Inkjesta Pubblika fil-pubbliku u fil-Parlament, Jerome Caruana Cilia qal li l-Partit Nazzjonalista ma setax iħalli lil Isabelle Bonnici weħidna f’din il-ġlieda favur il-verità u l-ġustizzja. “Kienet ommu Isabelle Bonnici, f’isem il-qraba u l-ħbieb, li sejħet għal Inkjesta Pubblika. Wara li ma ta kasha ħadd, jien f’isimha u f’isem il-familja għamilt din it-talba waqt diskors fil-Parlament.”

Wara li hu wkoll ġie injorat, għamel mistoqsija parlamentari dirett lill- Prim Ministru fejn b’mod ċar mill-ewwel wera li ma jridx jaħtar Inkesjta Pubblika. “L-għajta għal Inkjesta Pubblika qed issir primarjament mill-familja u l-ħbieb tal-istess Jean Paul Sofia u minn dawk kollha ta’ rieda tajba”. Mistoqsi għaliex Robert Abela ma jridx jaħtar Inkjesta Pubblika, id- Deputat Nazzjonalista qal li anke n-nies qegħdin jistaqsu għalfejn Robert Abela ma jridx jaħtar Inkjesta Pubblika fil-każ ta’ Jean Paul Sofia u għandhom raġun.

“Għalfejn il-Gvern qed jibqa’ stinat u ma jridx Inkjesta Pubblika? Forsi se jinkixfu stejjer ta’ persuni li b’mod sfaċċat kisru numru ta’ policies u regulations? Lil min qed jgħattu? Forsi dawn il-persuni huma qrib ħafna tal-Partit Laburista?Possibbli dawn il-persuni involuti għandhom daqstant saħħa li ma jħallux lill-Prim Ministru jaħtar inkesta pubblika? “Il-Gvern għalfejn qed jibża’ minn Inkjesta Pubblika? Possibbli ma hemm ħadd mill-Kabniett li għadu ma ndunax li l-poplu jrid Inkjesta Pubblika biex inkunu nafu l-verità u l-verità kollha? Kemm se ddejjaq nies il-konklużjonijiet tal-inkjesta pubblika? Minn xiex qed jibżgħu? Lil min qed jiddefendu?”

Jerome Caruana Cilia spjega minn naħa l-oħra huma bosta persuni u għaqdiet li huma favur li tinħatar Inkjesta Pubblika. “Saħansitra persuni li mhux dejjem kienu qed jaqblu mal-Partit Nazzjonalista, imma għax din hi kwistjoni li tmur lil hinn mill-partiġġjaniżmu politiku, ħafna qed jingħaqdu favur is-sejħa biex tinħatar Inkjesta Pubblika. Prattikament kulħadd irid Inkjesta Pubblika ħlief il-Prim Ministru u l-ftit tal-klikka ta’ madwaru. Tgħid għalfejn?” Hu żied li: “Prattikament ma’ kull min titkellem dwar dan il-każ jgħidlek li hemm bżonn li tinħatar Inkjesta Pubblika. Ejja ningħaqdu flimkien bħala poplu wieħed favur is-sejħa biex tinħatar Inkjesta Pubblika. Robert Abela għandu ċ-ċans li juri kemm lest jaħdem għall-ġid komuni billi jaħtar Inkjesta Pubblika. Nibqa’ ninsisti biex ma jinjorax, kif ilu jagħmel, it-talba ta’ Isabelle Bonnici u l-qraba ta’ Jean Paul favur l-Inkjesta Pubblika.”

Mistoqsi min huma dawn l-għaqdiet u persuni favur l-Inkjesta Pubblika u li qed jagħtu appoġġ lil Isabelle, Jerome Caruana Cilia fisser li hemm bosta persuni u għaqdiet li qed jagħtu l-appoġġ tagħhom lil Isabelle Bonnici favur li tinħatar Inkjesta Pubblika. Fost oħrajn hemm iż-Żgħażagħ Ħaddiema Nsara, il-Moviment Graffitti, l-Għaqda Repubblika ,numru sew ta’ editorjali ta’ ġurnali u portals lokali. Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, il-President tal-MHRA Tony Zahra, l-opinjonista Peppi Azzopardi, l-eks Ministru Laburista Evarist Bartolo, il-President Emeritus Marie-Louise Coleiro Preca, Arnold Cassola u s-sindku Labursita tal-Gżira Conrad Borg Manche.

Mistoqsi dwar il-Mozzjoni fil-Parlament imressqa mill-Partit Nazzjonalista, Jerome Caruana Cilia qal li fis-7 ta’ Marzu li għadda, il-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech, id-Deputati Robert Cutajar, Karol Aquilina, Stanley Zammit u hu ressaqu Mozzjoni li fiha, fost oħrajn, “qed nisħqu li Robert Abela jaħtar Bord ta’ Inkjesta dwar il-mewt traġika taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia, skont l-Att dwar l-Inkjesti, Kap. 273 tal-Liġijiet ta’ Malta, u li jkun għalkollox indipendenti mill-Gvern u mill-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet kollha l-oħra.

“Barra minn hekk qed ninsistu li l-Bord ta’ Inkjesta għandu jaħdem biex jippreżenta r-rapport tiegħu lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati fi żmien tlett xhur mill-ħatra tiegħu u r-rapport għandu jiġi ppubblikat minnufih u b’mod sħiħ mill-Iskrivan tal-Kamra u b’hekk isir b’mod pubbliku. Ħasra li l-Gvern qed jinjora għal kollox it-talba biex tinħatar Inkjesta Pubblika.” Tkellimna wkoll dwar l-ittra li Isabelle Bonnici bgħatet lil kull Membru Parlamentari u Jerome Caruana Cilia fisser li hemm numru ta’ punti importanti li saħqet dwarhom Isabelle. Id-determinazzjoni tagħha biex issir Inkjesta Pubblika dwar it-traġedja li fiha nqatel binha, Jean Paul, hi xi ħaġa li timmpressjonak. F’din l-ittra il-grinta tagħha ħarġet ċara ħafna.

“Ħa naqralek siltiet minn din l-ittra: “Ibni kien il-ħaruf tas-sagrifiċċju għax binja mibnija b’dawk in-nuqqasijiet kollha, setgħet twassal għal traġedja ħafna ikbar milli ġara. Għandkom l-għażla li lilna l-ġenituri tagħtuna ftit nifs jekk inkunu nafu li qed isir dak kollu possibbli biex ma jmutux iktar ulied. Għandkom l-għażla li tassew issaħħu l-fiduċja tal-familji Maltin u turu illi veru tridu pajjiż iktar b’saħħtu u sigur. “It-3 ta’ Diċembru huwa jum iswed għalina li konna nħobbuh, iswed mhux għax tlifna l-unika tifel tagħna biss imma wkoll għax esperjenzajna l-uġigħ u d-dwejjaq tal-fatt li ibni kien innoċenti f’dan kollu u li n-negliġenza u t-traskuraġni ta’ ħaddieħor, ir-regħba għal flus, flimkien ma’ sistema mnawra ta’ infurzar dgħajjef ħasditlu ħajtu fl-aqwa tagħha.”

Isabelle kienet kategorika fis-sejħa tagħha favur Inkjesta Pubblika: “Jien issa bħala omm Jean Paul nixtieq Inkjesta Pubblika fuq din it-traġedja. Il-polz tal-poplu jidher li jridha wkoll. Min se jismagħni u jismagħhom, jekk mhux intom? F’pajjiż demokratiku il-Parlament jiġi elett biex jisma’ u jservi l-poplu u l-vot tagħkom fil-Parlament għandu jkun arma li tiddefendi s-sewwa.”

Hu qal li punt li “laqgħatni meta qalet li hi qed tħallas piena għal għomorha, bl-unika nuqqas f’ħajjitha kien dak li ħabbet lil binha bla tarf. “Jien ċerta li ħafna minnkom se tippruvaw tifhmuni, kemm jekk tafu tħobbu u speċjalment jekk intom ġenituri. Għalhekk qed nitlobkom f’ġieħ is-sewwa u l-ġustizzja biex tivvutaw skont il-kuxjenza meta titressaq u tiġi diskussa l-mozzjoni dwar it-talba ta’ Inkjesta Pubblika.”

Jerome Caruana Cilia qal li “Isabelle Bonnici dejjem saħqet miegħi li minkejja li lil binha ma tistax terġa’ ġġibu lura, ma jistax ikun li Jean Paul ikun miet għalxejn. “Għandkom l-għażla u l-obbligu li ma tħallux li ibni (u oħrajn) jkunu mietu għalxejn. Ibni kien il-ħaruf tas-sagrifiċċju għax binja mibnija b’dawk in-nuqqasijiet kollha, setgħet twassal għal traġedja ħafna ikbar milli ġara. Għandkom l-għażla li lilna l-ġenituri tagħtuna ftit nifs jekk inkunu nafu li qed isir dak kollu possibbli biex ma jmutux iktar ulied. Għandkom l-għażla li tassew issaħħu l-fiduċja tal-familji Maltin u turu illi veru tridu pajjiż iktar b’saħħtu u sigur.”

Fuq kollox Isabelle Bonnici wieġbet lil Robert Abela u lil dawk kollha li qed ikunu partiġġjani u ma jridux Inkjesta Pubblika f’dan il-każ: “Din mhix kwistjoni ta’ kuluri għax nista’ nassigurakom li meta tagħmlu ħmistax-il siegħa tistennew biex joħorġu lil ibnek jew lill-ommok minn taħt it-tifrik l-ebda kulur ma jifdal ħlief iswed. Possibbli lesti tieħdu riskju fuq iben jew omm oħra?” Isabelle Bonnici kkonkludiet billi qalet li: “…lesta niltaqa’ ma’ min jixtieq jiddiskuti miegħi. F’idejkom issa! F’idejn kull wieħed u waħda minnkom. Jean Paul huwa ċittadin Malti u t-tifel tagħkom ukoll. Tinsewx!”

Jerome Caruana Cilia fisser li: “Għandna nammirawha lil din il-mara, li minkejja l-weġgħat li għaddejja minnhom, minkejja d-dulur perpetwu… tibqa’ tiġġieled favur il-verità. Ngħidilha lil Isabelle Bonnici, ma nistgħux inħalluk waħdek u m’aħniex se nħalluk waħdek.”

Jerome Caruana Cilia temm li l-appell tiegħu hu biex il-Gvern, jaħtar Inkjesta Pubblika. “Iva jeħtieġ li tinħatar Inkjesta Pubblika ħalli tassew l-affarijiet jimxu bi trasparenza u mhux bil-ħabi.” Hu temm li b’hekk naraw li mhux biss issir ġustizzja ma’ Jean Paul Sofia, imma forsi jkun il-każ li bir-rakkommandazzjonijiet li joħorġu mill-Inkjesta Pubblika, naraw li ħajjiet innoċenti oħra jkunu salvati u ma jkollniex xi vittmi innoċenti oħra tal-kilba u l-gula.