Raġel armat inqatel wara li qabad jispara għal fuq in-nies f’kumpless kummerċjali fis-subborg ta’ Allen, lejn in-naħa ta’ fuq ta’ Dallas, fl-Istat ta’ Texas.
Sadanittant, ħadd ma jaf għalfejn ir-raġel – li wkoll spiċċa maqtul ftit wara – għażel li jwettaq massakru ieħor ta’ persuni innoċenti, inklużi tfal, bl-awtoritajiet ikomplu bl-investigazzjonijiet fuq is-sit tal-mewt.
L-aggressur – liebes kollu iswed u attrezzat bit-tagħmir militari, inkluż azzarin awtomatiku — spiċċa joqtol seba’ qabel inqatel huwa stess minn uffiċjal tal-pulizija li wieġeb mal-ewwel għall-emerġenza wara li sama t-tiri.
Waqt l-eqqel tal-kriżi, mijiet ta’ nies spiċċaw evakwati mill-kumpless bl-isem Allen Premium Outlets anki waqt li l-aggressur kien qed jispara lejn kulmin jinzerta quddiemu – u bl-aktar mod indiskriminattiv.
Sar magħruf ukoll li fost il-vittmi kien hemm talanqas żewġ persuni li mietu l-isptar mill-ġrieħi li ġarrbu – bl-etajiet tal-vittmi tal-isparatura jvarjaw minn ħames snin sa 51 sena.
Il-Gvernatur ta’ Texas, Greg Abbott, fisser l-isparatura bħala ‘traġedja indeskrivibbli’ waqt li kkonferma li l-Istat jinsab lesti biex joffri kwalunkwe għajnuna lir-residenti ta’ Dallas.
Intant, ħafna residenti f’Texas qegħdin jikkritikaw lil Abbott talli hu, ftit taż-żmien ilu , kien ħareġ ħareġ liġijiet li jagħmluha aktar facli biex persuna takkwista arma tan-nar f’dan l-Istat.
//= $special ?>