L-Uffiċjali fl-Ukrajna qalu li r-Russja qajjmet ‘paniku sħiħ’ fost l-evakwazzjonijiet ta’ belt u bnadi oħra viċin l-impjant ta’ Zaporizhzhia li ilu x-xhur suġġett għall-inkwiet tal-osservaturi u esperti fiis-settur nukleari.
U waqt li l-esperti qablu li, illum, żdied il-potenzjal għal katastrofi f’dan l-impjant – li hu fost l-akbar kumplessi nukleari fl-Ewropa — ir-Russja ordnat l-evakwazzjoni tar-residenti minn tmintax il-zona fir-reġjun ta’ Zaporizhzhia, inkluża l-belt ta’ Enerhodar, li hi l-aktar viċin tal-kumpless.
Dan qed isir ukoll fost stennija għal kontro-offensiva kbira mill-qawwiet Ukreni fuq iz-zoni tal-Ukrajna li għadhom okkupati mis-suldati tal-Kremlin.
Filwaqt li l-International Atomic Energy Agency (IAEA) – bħala l-osservatur uffiċjali tan-Nazzjonijiet Uniti fil-qasam nukleari – qed tkompli twissi dwar ‘theddida ta’ inċident serju fl-impjant’ l-aħħar sigħat kienu dominati minn eżodu ta’ residenti mill-aktar inħawi perikolużi.
Min-naħa tiegħu, Rafael Grossi, bħala d-direttur ewlieni tal-IAEA, qal li s-sitwazzjoni fil-kumpless ta’ Zaporizhzhia u l-madwar aktar kulma jmur qed issir imprevedibbli — u meta l-livell ta’ periklu issa laħaq l-ogħla punt għal diversi xhur.
Filwaqt li għad fadal il-ħaddiema Ukreni li qed joperaw il-faċilità huwa minnu li l-kumpless u l-inħawi ta’ madwarha huma kontrollati mill-qawwiet Russi. Dan ukoll meta hemm preokkupazzjoni kbira għal dawn il-ħaddiema u l-familji tagħhom residenti f’dik iz-zona.
L-IAEA, fl-aħħar sigħat, kienet infurmata dwar l-evakwazzjoni tar-residenti minn Enerhodar, fejn jgħixu l-parti kbira tal-istaff tal-kumpless – u meta l-awtoritajiet fiz-zona li huma leali għar-Russja qegħdin jakkużaw lill-qawwiet Ukreni dwar ‘bumbardamenti tal-inħawi mhux wisq ‘il bogħod mill-faċilità nukleari u taz-zoni l-oħra ‘il hinn mill-fronti tal-battalja’.
L-akbar inkwiet għall-osservaturi hu li l-gwerra fl-Ukrajna – li dalwaqt tagħlaq sena u nofs – kapaċi tkun karatterizzata minn diżastru nukleari simili għall-isplużjoni storika tas-snin tmenin fl-impjant ta’Chernobyl (fl-Ukrajna)…Splużjoni li kienet tellgħet id-dħaħen radjuattivi fuq partijiet tal-Ukrajna u diversi bnadi tal-Ewropa tal-Lvant fejn ħafna mill-Istati, dak iż-żmien, kienu satelliti tal-eks Unjoni Sovjetika komunista.
//= $special ?>