Xena meraviljuża u unika hekk kif bħalissa l-Konkatidral ta’ San Ġwann jinsab imlibbes bl-arazzi li kienu ngħataw bħala rigal lil pajjiżna mill-Gran Mastru Perelllos. Fejn il-Ħadd l-pubbliku kellu l-okkażjoni li jara dan il-post meraviljuż imlibbes b’libsa mill-isbaħ bl-abkar sett ta’ arazzi fid-dinja.

Sa minn kmieni l-Ħadd waranofsinhar mijiet ta’ nies nġabru quddiem il-Konkatidral sabiex ikollhom din l-opportunita unika li jaraw din il-wirja bl-isem ‘Gift of Glory’ kif ukoll jisimgħu l-istorja ta’ dawn l-arazzi u kif spiċċaw f’pajjiżna.
Net News tkellem ma bosta Maltin kif ukoll turisti li kienu qed jistennew sabiex jidħlu fil-Konkatidral. In-nies esprimew magħna li dan huwa mument uniku kif ukoll li hija xi ħaġa sabiħa li wieħed jipproteġi l-wirt storiku ta’ pajjiżna.

Dawn l-arazzi kienu ngħataw bħala rigal lil pajjiżna mill-Gran Mastru Perellos bejn l-1697 u l-1702. Din il-kollezzjoni tikkonsisti minn 29 arazz li juru episodji mill-ħajja ta’ Ġesù Kristu kif ukoll it-Trijonf tal-Knisja Kattolika.

L-arazzi għaddew minn proċess estensiv ta’ restawr…proċess li propju dam għaddej għal 16-il sena.
Dan is-sett ta’ arazzi, kapolavar tal-arti Barokka, huwa l-ikbar sett komplut fid-dinja b’kobor ta’ 730 metru kwadru…u b’tul ta’ 120 metru.
Is-sett tal-arazzi se jibqa’ esebit fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta sal-24 ta’ Ġunju.

