Il-Ħamruniżi jinsabu fuq ix-xwiek jistennew il-mument meta s-sena d-dieħla l-vara ta’ San Gejtanu se tittieħed Ruma fejn, f’Settembru, se tkun għall-wiri għal xahar sħiħ fil-Bażilika Minuri ta’ San Andrea Della Valle.
Din l-aħbar ingħatat fil-quddies tas-Sibt filgħaxija, u dan se jseħħ fl-okkażjoni tal-500 sena minn mindu twaqqfet il-Kongregazzjoni tal-Kjeriċi Regulari, magħrufa bħala l-patrijiet Teatini – li wieħed mil-fundaturi tagħhom kien proprju San Gejtanu.
Net News ikkonferma mal-parroċċa Ħamruniża illi l-vara se tittieħed f’purċissjoni lejn il-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan fejn dan ix-xogħol artistiku ta’ Karlu Darmanin se jintrefa’ fuq l-ispallejn minn reffiegħa Ħamruniżi.
Għal din il-festa tal-500 anniversarju mit-twaqqif tagħhom il-patrijiet Teatini se jkunu qed jinġabru f’Ruma.
Intant, fiż-żmien meta fil-Bażilika Minuri ta’ San Andrea Della Valle se jkun hemm il-vara ta’ San Gejtanu, se ssir ukoll wirja dwar l-istatwarju Karlu Darmanin.
//= $special ?>