Arsenal wettqu rebħa diffiċli iżda meritata ta’ 2-0, fuq Newcastle United f’St James Park biex żammew ħajjin it-tamiet għall-ewwel titlu ta’ champions mill-istaġun 2003-04. B’din ir-rebħa il-Gunners qatgħu l-vantaġġ ta’ Manchester City li huma ċ-Champions Ingliżi u t-tim li jinsab fil-quċċata tal-klassifika kurrenti b;punt differenza biss, għalkemm Arsenal, issa, lagħbu logħba aktar mit-tim ta’ Pep Guardiola.
Fil-bidu tal-logħba Newcastle ħarġu aggressivi u ħasbu li kienu rebħu penalty meta l-ballun deher jaħbat ma’ idejn Jakub Kiwior fuq it-tentattiv ta’ Bruno Guimaraes. Iżda r-referee Chris Kavanagh biddel id-deċiżjoni oriġinali tiegħu, bil-Gunners jieħdu n-nifs mill-ġdid.Arsena fetħu l-iskor mal-ewwel attakk perikoluż fuq il-lasta ta’ Nick Pope meta l-midfielder Norveġiż, Martin Odegaard, venven xutt b’saħħtu , bil-ballun jgħaddi minn bejn tliet difensuri tal-Geordies qabel spiċċa fir-rokna tax-xibka għall-1-0 wara 13-il minuta logħob. Newcastle irrispondew għad-disfatta bikrija, b’Callum Wilson u Alexander Isak joħolqu l-problemi għal Arsenal bil-movimenti inċiżivi mal-linji u b’Jacob Murphy anki jolqot sieq il-lasta. Madankollu il-Gunners komplew joħolqu l-perikli, b’Nick Pope isalva darbtejn fuq ix-xutt mill-qrib ta’ Martinelli u t-tentattiv, ftit wara, ta’ Odegaard li mar viċin id-doppjetta. Bukayo Saka, imbagħad, ittenstja lil Pope wara li żgiċċa l-isfida ta’ Dan Burn u b’Pope jinxteħet minn tul għal save tajjeb ieħor. Arsenal jikkonkludu l-ewwel 45 minuta b’tentattiv ieħor ta’ Martinelli, bil-ballun jgħaddi ftit ‘il fuq mill-mimduda u b’Nick Pope iwettaq save ieħor ‘impossibbli’ fuq il-kanunata ta’ Odegaard minn taħtu.
Il-logħob baqa’ veloċi fit-tieni taqsima, b’Newcastle mill-ġdid imorru viċin meta Murphy ghadda kross lil Isak li ra d-daqqa ta’ ras tiegħu taħbat mal-mimduda. Il-Geordies komplew jheddu meta fuq korner mill-istess azzjoni, il-gowlkiper ta’ Arsenal Ramsdale wettaq reflex save fuq id-daqqa ta’ ras ta’ Fabian schar li deher destinat għal ġewwa. Arsenal wieġbu b’xutt spekulattiv ta’ Martinelli li ħabat mal-mimduda u fis-70 minuta wasal il-mument deċiżiv bil-Gunners iżidu l-vantaġġ meta Fabian Schar mattar saqajh għall-kross baxx ta’ Martinelli u fejn kellu l-isfortuna li jegħleb lil Pope għal awtogol klassiku. Filwaqt li Arsenal urew mill-ġdid li hu tim mimli b’karattru hemm ukoll l-aspett interessanti li din kienet anki l-ewwel telfa għal Newcastle f’darhom kemm ilhom taħt it-tmexxija tal-manager Eddie Howe.
Fil-partita l-oħra West Ham United kisbu rebħa sorprendenti għal kollox kontra Manchester United. Din it-telfa titfa’ lil Manchester United f’pożizzjoni inqas komda milli kienu qabel hekk kif ikomplu jnaqqasu l-vantaġġ li kellhom minn ma’ Liverpool li jinsabu fil-5 post b’punt inqas minn Manchester United b’logħba iktar.
Il-gowl deċiżiv wasal fis-27 minuta minn Said Benrahma meta ttanta xortih minn barra l-kaxxa u sab ix-xibka minn żball banali tal-goalkeeper David De Gea.
//= $special ?>