Lokali

“Robert Abela wisq mifni bl-iskandli sabiex jikkonċentra fuq dak li qed jaffettwa lill-poplu” – Michael Piccinino

“Robert Abela huwa wisq mifni bl-iskandli li kkawżaw hu u sħabu biex jikkonċentra fuq dak li qed jaffetwa lil poplu Malti u Għawdxi.”

Dan sostnieh is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino waqt id-diskors tiegħu fl-attvità politika li saret fil-Għargħur bit-tema ‘Nagħtu Saħħa lill-Ħaddiem’.

Waqt id-diskors tiegħu Michael Piccinino qal li l-ħaddiema Maltin u Għawdxin kif ukoll il-poplu inġenerali għandu quddiemu ammont ta’ sfidi. Fost l-oħrajn huwa tkellem fuq il-pjaga tal-għoli tal-ħajja li qed taffettwa lil kulħadd iżda b’mod partikolari qed taffettwa lil ħaddiema u l-vulnerabbli.

Michael Piccinino saħaq li Robert Abela qatt ma jista’ jifhem il-problemi li jgħaddi minnhom il-poplu meta dan kien qed jaqla €17,000 fix-xahar minn xogħol part time fil-weekends.

“Kif jista’ l-Gvern ta’ Robert Abela jifhem eżatt x’inhuma l-problemi li qed jaffaċċjaw in-nies jekk meta ġew mistoqsija il-Ministri lanqas biss kienu jafu b’kemm qegħda tgħolha l-ħajja? Kif jista’ l-Gvern ta’ Robert Abela jifhem eżatt il-problemi li qed jaffaċċjaw in-nies jekk kif qaltilna Rosianne Cutajar stess fil-Gvern “kulħadd jitħanżer”?”

Barra minn hekk, is-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino qal li Robert Abela huwa wisq okkupat biex jara kif ħa jibqa’ jiddefendi lil sħabu ta’ Steward biex jikkonċentra fuq il-problema tal-għoli tal-ħajja.

Michael Piccinino saħaq li huwa propju għalhekk il-Gvern ta’ Robert Abela ma ħareġ bl-ebda idea biex jgħinna nikkombattu l-pjaga tal-għoli tal-ħajja.

Huwa tkellem fuq iċ-ċekkijiet fejn hawnhekk qal li Robert Abela qed jammetti li l-poplu ħallas iżżejjed u issa għax ħa jagħti lura dak li serqilna jippretendi li l-poplu jċapċaplu.

Michael Piccinino fakkar fil-viżjoni li l-Partit Nazzjonalista ilu joffri sabiex jattakkaw l-għoli tal-ħajja.

Huwa temm id-diskors tiegħu meta qal li pajjiżna jista’ jimxi ‘l quddiem biss jekk ikollu Gvern li verament ikun ikkonċentrat biex jagħti s-Saħħa lill-Ħaddiem.