Skont il-Prim Ministru Robert Abela, il-Gvern tiegħu qed jieħu deċiżjonijiet li bihom qed joħolqu soċjeta iktar ġusta… deċiżjonijiet li skont hu… qed jindirizzaw it-tħassib tan-nies u li permezz tagħhom pajjiżna qed jimxi ‘l quddiem. Għalkemm fl-ebda ħin ma stqarr kif se jgħin lin-nies quddiem il-pjaga tal-għoli tal-ħajja.
Il-Ħadd filgħodu il-Prim Ministru ltaqa’ mal-partitarji tiegħu f’Ħal Balzan u Ħal Qormi…fejn reġa’ semma’ iċ-ċekkijiet biex jipprova juri li qed jisimpatizza ma’ dawk li qed ibatu. Meta fil-verita’, il-ħajja qed tgħola ferm aktar mill-mitt ewro li qassam.
Il-Ħadd, Robert Abela injora wkoll il-fatt li niżżel lil Malta fl-84 post f’dak li jirrigwardja l-libertà tal-media. Dan ifisser li f’sena il-Gvern ta’ Abela niżżel lil Malta sitt postijiet hekk kif is-sena li għaddiet klassifikajna fit-78 post – li diġà kien riżultat ħażin.
Mill-2012 ‘l hawn, il-Gvern niżżel lil Malta 26 post f’dan l-Indiċi tant importanti.
Meta indirizza lill-partitarji Laburisti… Abela qal li l-Gvern tiegħu għandu l-kuraġġ li jibqa’ jieħu d-deċiżjonijiet biex ikollna Malta iktar ġusta.. deċiżjonijiet li bihom il-Gvern Laburista biegh l-isptarijiet ta’ pajjiżna lill-barranin u għadu sal-lum ma fetaħ ebda kawża kontra Vitals u Steward sabiex il-flus li nsterqu mill-poplu Malti u Għawdxi jintraddu lura.
Abela qal ukoll li fiċ-ċentru tal-ħidma tagħhom hemm il-kunċett ta’ ġustizzja fejn kulħadd jimxi ‘l quddiem mhux a skapitu ta’ ħaddieħor iżda bil-ħiliet tiegħu. Għalkemm fl-ebda ħin ma kkundanna l-inġustizzji kbar li qed isiru bil-ħniżrijiet min-nies tal-qalba – ħniżrijiet li kkonfermathom iswed fuq l-abjad id-deputat Rosianne Cutajar.
//= $special ?>