Sport Waterpolo

Semi finali diviżjoni B: Malta ssofri r-rimonta tal-Iran lejn nofs il-logħba

Stewart Said

IRAN…………….. 15

MALTA…………. 9

(2-2), (4-3), (3-0), (6-4)

It-tim nazzjonali Malti temm fis-sitt post fis-semifinali ta’ Diviżjoni B tat-Tazza tad-Dinja. Telfa kontra l-Iran f’logħba li fiha t-tim Malti kien fil-vantaġġ sa kważi nofs il-logħba.

F’dik li kienet ir-raba’ logħba f’madwar 50 siegħa, l-għajja fiżika u mentali jista’ jkun li kienu fatturi importanti, għalkemm wieħed ma jistax jinsa l-kwalità tal-avversarji.

It-tim Malti kellu bidu pożittiv hekk kif wara li rnexxielu jmur 2-1 minn fuq permezz ta’ Liam Galea u Nikolai Zammit, kellu vantaġġ tajjeb fit-tieni sessjoni. Sa madwar tliet minuti minn tmiem it-tieni sessjoni, Malta kellha vantaġġ ta’ 5-3, b’Zammit u Galea jżidu ieħor flimkien ma’ gowl ta’ Alec Fenech.

Jekk sa dak il-ħin it-tim Malti deher li kellu l-kontroll, l-Iranjani kellhom ħsibijiet oħra. B’doppjetta ta’ Hamed Malek Khanbanan u gowl ta’ Mehdi Yazdankhah il-vantaġġ inbidel għal 6-5 sa tmiem is-sessjoni.

L-Iran kompliet tibni fuq dan ir-ritmu fit-tielet sessjoni. Huma ħadu l-kontroll tal-logħba u skorjaw tlieta mingħajr risposta. Jekk ir-rimonta għat-tim Malti saret diffiċli, ġiet impossibbli fl-aħħar sessjoni.

L-Iran aċċertat mir-rebħa meta kabbret il-vantaġġ għal 12-5, f’dak li kien id-disa’ gowl konsekuttiv għall-Asjatiċi.. L-uniku konsolazzjoni tat-tim Malti waslet fit-tieni parti tas-sessjoni u tal-anqas, il-plejers Maltin urew ftit karattru biex ma ppermettewx lill-Iranjani jwessgħu l-vantaġġ finali.

Iran: S. Ghasemidaryan, M. Barzegarisharifabad (2), A. Rahbarjedi, H. Malek Khanbanan (4), N. Khoshbakht (1), K. Ghareh Zialdini, P. Asadi Aghajari, M. Yazdankhah (5), S. Rostamian, A. Ghavidelhajiagha (2), A. Almasi (1), A. Mehrikohneshahri, A. Rezaei

Malta: J. Tanti, M. Mifsud, L. Galea (4), N. Bugelli, S. Gialanze, B. Cachia, B. Plumpton, J. Camilleri, J. Abela (1), N. Zammit (3), A. Fenech (1), D. Zammit, M. Castillo

Referees: Viktor Salnichenko (Każakistan), Dash Barber (Afrika ta’ Isfel)